Internazzjonali

Appoġġ ta’ Merkel għal Juncker imma mhux ta’ Cameron

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li trid li l-President tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss ikun l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean-Claude Juncker.

Juncker ġej mill-PPE li ġimgħa ilu rebaħ l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

Il-PPE, li jinkludi anki l-Partit Demokristjan ta’ Merkel, rebaħ 213 mis-751 siġġu fil-Parlament Ewropew, u għażel lil Juncker bħala l-kandidat tiegħu minflok il-Portugiż Josè Manuel Barroso.
Għall-ewwel Merkel ma kinetx meqjusa bħala favur ħafna li Juncker jilħaq minflok Barroso.
L-avversarju ewlieni ta’ Juncker hu l-Ġermaniż u kandidat Soċjalista Martin Schulz.

Is-soltu, il-mexxejja kienu jagħżlu huma l-President tal-Kummissjoni, imma skont ir-regoli ġodda, dawn issa jridu jieħdu kunsiderazzjoni r-riżultati tal-Parlament Ewropew.

Merkel qalet li peress li Juncker sar l-akbar poter fil-Parlament Ewropew, hi kienet se tmexxi taħditiet beix hu jilħaq minflok Barroso.

Imma David Cameron, il-Prim Ministru Ingliż, ma tantx hu ħerqan u indika li għandhom ikunu l-mexxejja tal-UE u mhux il-Parlament Ewropew li jiddeċiedi min għandu jmexxi l-Kummissjoni.

Jekk tinqala’ problema dwar il-ħatra ta’ Juncker, tista’ tinqala’ polemika taħraq mal-Parlament Ewropew. Dan għaliex l-aħħar deċiżjoni issa suppost hi tal-Parlament permezz ta’ vot. Il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew diġà qalu li għalihom Juncker għandu jilħaq u ndħil mill-Gvernijiet jista’ jwassal għal polemika.

Jidher li Juncker ma tantx hu entużjast dwar talbiet li qed jagħmel Cameron għal ċerti bidliet fil-kundizzjoni tas-sħubija tar-Renju Unit fl-UE.

Apparti Cameron, hemm ukoll Viktor Orban tal-Ungerija u Fredrik Reinfeldt tal-Iżvezja li huma kontra Juncker.