Internazzjonali

Jinbidlu r-regoli tal-internet

Esperti qed iwissu li l-mod kif in-nies se jibdew jużaw l-internet se jinbidel. Dan wara deċiżjoni tal-Qorti Ewropea li tat il-kunsens lin-nies fl-Ewropa li jitolbu li informazzjoni personali dwarhom titneħħa mill-Google.

Il-Professur Luciano Floridi, mill-Università ta’ Oxford, u li tqabbad biex ikun konsulent tal-Google f’din il-kwistjoni, qal li din id-deċiżjoni kienet se tbiddel totalment il-mod kif in-nies jużaw l-internet. Hu qal li ż-żmien fejn wieħed seta’ jsib kull tip ta’ informazzjoni fuq l-Internet issa kien intemm fl-Ewropa.

Rapporti qed isostnu li minn mindu ttieħdet id-deċiżjoni, il-Google qed tirċevi madwar 12,000 talba kull jum mill-Ewropa beix l-informazzjoni personali dwarhom titneħħa mill-arkivji tal-Google.

Floridi, professur tal-filosofija u l-etika tal-informazzjoni, qal li r-regoli tal-internet issa nbidlu għalkollox.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabet li 500 miljun persuna li jużaw l-internet fl-Ewropa kellhom id-dritt jitolbu lill-Google tneħħi informazzjoni li jemmnu qed tagħmlilhom ħsara jew tikser il-privatezza tagħhom.

Iżda Floridi qal li din id-deċiżjoni jista’ jkollha l-effett li jpoġġi aktar poter milli hemm s’issa f’idejn Google. Fi ftit kliem, qal Floridi, kumpanija b’saħħitha issa se tkun qed tiddeċiedi dak li jistgħu jaraw jew ma jarawx in-nies jew dak li hu fl-interess tal-pubbliku.