Lokali

Ritratti: Pakkett suspettuż iwassal għal evakwazzjoni tal-Ajruport

Is-Sibt waranofsinhar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta – konfużjoni, stennija u inċertezza wara li l-passiġġieri u l-ħaddiema kollha ġew evakwati mill-bini tal-ajruport hekk kif instab pakkett suspettuż.

Fil-post issejħu mill-ewwel il-membri tal-EOD tal-Forzi Armati ta’ Malta li vverifikaw x’kien fiha l-bagalja.

Għall-ewwel kien qed jingħad li fil-pakkett suspettuż kien hemm xi materjal splussiv iżda imbgħad irriżulta li l-pakkett suspettuż kien bagalja b’apparat tal-għaddasa li kienet ta’ turist li wara btala f’pajjiżna kien sejjer lura l-Ingilterra.

Skont l-informazzjoni li għandu dan is-sit jidher ukoll li r-raġel kien diġa’ għamel iċ-check-in u sakemm kien se jsirlu l-ħin biex jitla’ fuq l-ajruplan mar biex jixtri xi ikel.

Meta l-awroritajiet tal-ajruport sejjħu isem ir-raġel permezz tal-PA System u r-raġel u ma deher imkien, u l-magni tas-sigurta’ bdew jimmarkaw li fil-bagalja hemm materjal splussiv, bdew jittieħdu xi miżuri ta’ sigurta’ li wasslu biex il-ħaddiema kollha u l-passiġġieri li kienu se jħallu pajjiżna nħarġu mill-ajruport.

Anke l-passiġġieri li kienu għadhom kemm waslu Malta ma tħallewx jidħlu fl-ajruport u għalhekk inżammu abbord l-ajruplani li kienu tar-Ryanair, Emirates, Turkish Airlines u anke tal-linja nazzjonali ta’ pajjiżna, l-Air Malta.

Wara kważi sagħtejn ta’ stennija fix-xemx il-bagalja nħarġet mill-ajruport flimkien ma’ sid il-bagalja u xi nies oħra li ttieħdu d-depot tal-Pulizija għal aktar investigazzjoni.

F’mument minnhom kien hemm anke xi ftit tal-konfużjoni hekk kif l-istaff tal-ajruport intalab biex jidħol lura u xi turisti ħasbu li setgħu jidħlu huma wkoll.

Kawża ta’ din l-istennija ammont kbir ta’ titjiriet telqu tard.

 

Aktar kmieni…

MaltaRightNow tinsab infurmata li parti jew partijiet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jiġu evakwati hekk kif instab pakkett suspettuż li kollox jindika li nstab anke’ wara theddida ta’ bomba.

L-evakwazzjoni ġiet konfermata minn Kelliema għall-Korp tal-Pulizija meta kkuntattjata minn dan is-sit.

Mistoqsija jekk jidhirx li l-pakkett m’hu xejn, il-Kelliema għall-Pulizija wieġbet: “mill-ewwel indikazzjonijiet li għandna jidher li l-pakkett huwa xi ħaġa.”

Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow qalu li kien hemm theddida ta’ bomba – madanakollu din l-informazzjoni ma ġietx ikkonfermata mill-Pulizija.

Dan is-sit se jibqa’ jkun aġġornat b’aktar dettalji hekk kif jidħlu.