Lokali

Ħaddiema tal-Enemalta inċerti dwar il-ġejjieni tagħhom

Ħaddiema tal-Enemalta komplew jintefgħu f’iktar inċertezza dwar il-ġejjieni tagħhom hekk kif f’laqgħa magħhom intqalilhom ċar u tond li m’hemmx garanzija li se jieħdu lura d-dar l-istess paga li ħadu s’issa.

Il-gazzetta il-Mument żvelat li waqt laqgħa li saret fl-aħħar jiem fil-workshop tal-Power station ta’ Delimara indirizzata mill-Agent Chairman Joe Ellul Vincenti intqal lill-ħaddiema li għalkemm l-impjieg huwa assigurat, ma jistax jingħad l-istess għall-ħlas.

Lill-ħaddiema intqal li fil-ħajja hemm it-tbatija u t-tgawdija u t-tnejn irridu nduquhom u li wieħed jispera li ma jweġġa’ ħadd. Kliem, li skont is-sorsi li tkellmu ma’ il-Mument, ħalla lil ħafna ħaddiema qishom ras maqtugħa.

Minħabba l-mod kif żvolġiet din il-laqgħa, li kellha tkun ta’ introduzzjoni għall-Agent Chairman tal-Enemalta, iż-żjara intemmet ħesrem.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Mument kienet żvelat li l-kumpanija statali Ciniza, li xtrat 33 fil-mija tal-isħma fl-Enemalta, ilmentat mal-Gvern Malti li l-pagi tal-ħaddiema huma għoljin wisq u qed jimponu kundizzjonijiet ġodda biex jitnaqqsu jew saħansitra jitneħħew il-benefiċċji. Benefiċċji li jammontaw għal għaxart’elef ewro fis-sena.