Lokali

Ħidma biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jersaq qrib il-poplu

“Issa li l-Partit Nazzjonalista kiseb it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, trid tibda ħidma ikbar biex jonqos id-distakk bejn il-partiti fis-sens ta’ voti.
Biex dan isir, il-Partit Nazzjonalista irid juri li qed jifhem il-messaġġ tal-poplu u jrid jaħdem biex dan il-messaġġ jinftihem.” Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attivita’ politika li saret fil-każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Santa Venera fi Fleur de Lys quddiem folla sabiħa, ġimgħa biss wara l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Simon Busuttil qal li biex il-Partit Nazzjonalista jerga jikseb il-fiduċja tal-poplu jrid ikompli jissaħħah u jinbidel. Biex dan isir, minn għada stess il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jiltaqa’ mac-Chairman tal-kummissjoni tal-għażla tal-kandidati Joe Borg biex tibda ħidma u jiġu individwati kandidati ġodda għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.

Simon Busuttil ħabbar ukoll li ltaqa’ mal-kandidati li ħargu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista imma li ma ġewx eletti. Qal li t-tielet siġġu għall-Partit Nazzjonalista hu grazzi wkoll għalihom, nies validi li ddedikaw ħafna ħin u sagrifiċċji. Hu ghalhekk li nkoraggihom biex ikomplu jaħdmu fi ħdan il-partit.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa, il-Partit Nazzjonalista, bħalma jrid il-poplu, irid jiftakar f’dak li kiseb għal pajjiżna fil-passat, imma issa jrid iħares ‘il quddiem u joffri xi ħaga ġdida għal għada wkoll. Hu għalhekk li dan hu l-mument li l-poplu joqrob iktar lejn il-partit f’mument diffiċli.

Hekk kif ta wkoll ħarsa lejn ix-xena Ewropea, Simon Busuttil awgura li l-Ewroparlamentari kollha jaħdmu flimkien, minkejja d-differenzi politiċi, biex pajjiżna jikseb l-aħjar possibbli.

Matul id-djalogu tkellmu wkoll tnejn mit-tliet Ewroparlamentari eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola u David Casa filwaqt li Therese Comodini Cachia attendiet lejn l-aħħar tal-attivita’ wara li ċċelebrat il-preċett ta’ bintha.

Fid-diskors tiegħu l-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, l-uniku Malti li ġie elett minn kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew li saret f’pajjizna tkellem dwar il-ħidma li t-tliet Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista għamlu biex flimkien għażlu l-iktar kumitat Ewropej relevanti għal pajjiżna. Esprima t-tama tiegħu li l-kandidati tal-Partit Laburista jagħżlu kumitat differenti ħalli l-hidma favur pajjizna tinfirex.

David Casa tkellem ukoll dwar l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jkompli jinbidel biex ikun relevanti ghal pajjiżna. Dan għaliex pajjiżna għandu bżonn Oppożizzjoni li tkun b’saħħitha biex b’hekk tassigura li l-poplu Malti jkollu difiża għalih, Oppozizzjoni li tara li l-poplu jiehu l-iktar possibbli. Hu fakkar li biex dan isir, il-partit għandu bzonn lill-poplu jkun qrib tiegħu u jgħinu f’dan il-process kontinwu ta’ bidla.

Minn naħa l-oħra Roberta Metsola qalet li issa li għaddiet l-elezzjoni, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista flimkien iridu jkomplu jkunu l-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu fl-Ewropa.

Wiegħdet li minkejja li issa li t-tliet Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jibdew il-ħidma tagħhom fl-Ewropa, huma se jkomplu jgħinu wkoll lill-partit biex jissaħħah f’pajjiżna wkoll.