Lokali

Il-Forzi Armati Maltin il-mira ta’ attakk terroristiku f’Djibouti

Il-Forzi Armati Maltin ikkonfermaw li l-kontingent Malti ta’ 21 suldat li tard is-Sibt ta’ ġimgħa ilu kienu fil-mira ta’ attakk terroristiku f’Djibouti komplew bil-missjoni tagħhom flimkien mal-militar Olandiz, li sitt membri minnhom li kienu flimkien mal-kontiġent Malti ġarrbu xi ġriehi f’dan l-attakk suwiċida. L-attakk ħalla 20 vittma fosthom raġel u mara mis-Somalja li wettqu s-suwiċidju meta splodew lilhom infushom u 15 oħra midruba.

Kelliem għall-Armata qal lil gazzetta il-mument li kull kontinġent, inkluż dak Malti, ikun infurmat u mħarreg bi drills inizjali fl-eventwalità ta’ inċidenti li jipperikolaw il-ħajja tal-membri tal-ekwipaġġ kemm abbord waqt l-operazzjoni kif ukoll waqt żjarat f’portijiet viċin.

L-istess kelliem qal li ftit tal-minuti wara l-inċident, l-Forzi Armati ta’ Malta stabbilixxew minnufih kuntatt mas-suldati tagħhom u ġie konfermat li s-suldati kollha kienu jinsabu qawwijin u sħaħ.

Is-suldati Maltin qegħdin joperaw taħt il-Kmand ta’ Operazzjoni mmexxija mill-Unjoni Ewropea msejħa EUNAVFOR Atalanta abbord vapur tal-qawwa navali Olandiza. Din l-operazzjoni qiegħda titmexxa minn ġewwa kwartieri tal-UE f’Northwood, l-Ingilterra, u kull aspett ta’ kmand u kontroll isir minn hemm.

L-attakk suwiċida doppju sehh f’restorant imfittex hafna mis-suldati internazzjonali. Il-Ministeru tad-Difiza Spanjol ikkonferma li tlieta mill-qawwa militari tal-pajjizi ndarbu, wieħed minnhom serjament tant li ntbagħat ajruplan militari biex jittieħdu lura Spanja. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż qal li tliet Ġermaniżi waqt li kien irrappurtat li sitt Olandiżi ġarbu wkoll xi ġrieħi. Anki l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż ikkonferma li militari Franċiżi ndarbu fl-attakk suwiċida.

Sadattant għaddejja investigazzjoni biex tkun stabbilita min kien il-mohh wara l-attakk suwiċida. L-attakk fir-restorant La Chaumiere jinsab fi Pjazza 27 ta’ Ġunju.

Skont il-Ministru tal-Intern ta’ Djibouti Hassan Omar Mohamed, l-attakk suwiċida seħħ fit-8 p.m. minn mara li kienet libsa l-velu. Il-post u l-hin tal-attakk jaghti hjiel “li n-nies wara dan l-attakk riedu joqtlu kemm jista’ jkun ċittadini mill-pajjiżi tal-Punent.” Għalkemm ħadd ma ha responsabbiltà, il-President tal-pajjiż qal li l-attakk kien “reazzjoni vjolenti għall-parteċipazzjoni tal-pajjiż fil-proċess biex fir-reġjun terġa’ tirrenja l-istabbilità u s-sigurtà.”

L-awtoritajiet ta’ Djibouti baghtu truppi biex ikunu parti mill-qawwa militari tal-Unjoni Afrikana biex tiggieled lill-militanti Izlamici fis-Somalja. Ġellieda ta’ Al-Shabab wettqu attakki simili fil-Kenja u fl-Uganda, li wkoll għandhom truppi fis-Somalja.