Lokali

Il-Ministru tas-Saħħa ma wiġibx mistoqsijiet dwar l-aggressjoni li seħħet fl-Isptar Monte Carmeli

L-isptar Monte Karmeli

Il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi naqas milli jwiegeb numru ta’ mistoqsijiet mill-gazzetta il-Mument dwar l-aggressjoni li seħħet fl-Isptar Monte Carmeli fuq pazjent minn mill-inqas membru wieħed tal-istaff.

Fl-20 ta’ Mejju li għadda, fis-sala numru 7 tal-irġiel tal-Isptar, pazjent kien allegatament aggredit u mġiegħel jiekol pulpetti. Dan wara li talab biex jinbidel l-istazzjon tat-televiżjoni li kienu ilu għal ħin twil fuq l-istazzjon Laburista u li matulu kienu qed jixxandru programmi b’doża qawwija ta’ politika.

Il-Ministru Mizzi ma weġibx jekk il-Ministeru hax azzjoni jew tax rakkomandazzjonijiet lit-tmexxija tal-Isptar biex tittieħed azzjoni. Lanqas ma wieġeb għall-mistoqsija jekk iħossx li l-awtoritajiet tal-Isptar ma segwewx in-norma tac-Civil li f’każi bħal dawn, l-allegat aggressur ikun sospiż sakemm titlesta l-investigazzjoni.

Fil-fatt, il-ħaddiem involut ma kienx sospiz, kif normalment jigri fis-servizz pubbliku f’każi bħal dawn sakemm titlesta l-investigazzjoni, iżda ġie trasferit lejn sala oħra u tilef xi allowances.

Sadanittant dan il-każ qiegħed ikun investigat kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, it-Tabib John Cachia.

It-Tabib Cachia ikkonferma li l-Uffiċċju tiegħu ħatar bord biex jinvestiga dan l-inċident u li diga’ beda bil-ħidma. Ir-rapport ta’ dan il-bord mistenni fil-futur qarib.