Reġa’ hemm rabja kbira fl-Indja wara l-qtil brutali ta’ żewġ tfajliet, li kienu kuġini ta’ 14 u 16-il sena, f’Uttar Pradesh, li l-ewwel kienu stuprati minn grupp ta’ rġiel u wara spiċċaw imdendlin ma’ siġra mill-grupp.
Missier wieħed mit-tfajliet qal li meta mar għand il-pulizija għaliex it-tifla tiegħu kienet għebet, dawn kienu waqqgħuh għaċ-ċajt.
Tal-anqas tlett irġiel, fosthom pulizija, kienu arrestati b’rabta mal-inċident, u l-familji tal-vittmi qalu li l-pulizija rrifjutaw li jmorru jfittxu lit-tfajliet wara li indunaw li għebu. Qed ikun investigat ukoll pulizija ieħor li seta’ kien kompliċi fil-każ.
Jirriżulta li r-raġuni ewlenija għaliex il-pulizija rrifjutaw li jmorru jfittxuhom hi għaliex kienu minn dik li titqies bħala klassi baxxa.
Tul din l-aħħar sena fl-Indja feġġew diversi każi xokkanti ta’ stupru, kemm ta’ tfal u nisa Indjani kif ukoll ta’ barranin. Minħabba r-rabja kbira li dawn il-każi qanqlu, il-Gvern Indjan ħarrax il-liġijiet.
//= $special ?>

