Il-Fondazzjoni Wirt Artna tellgħet spettaklu dwar l-era Rumana f’Malta bl-isem ta’ Romanus fil-Forti Rinella, il-Kalkara. Dan l-ispettaklu beda nhar is-Sibt u kompla lbieraħ.
Għal din l-attivita’, li għandha appoġġ mill-Bank of Valletta, ħadu sehem membri mill-gruppi storiċi Legio X Fretensis u Anakron.
Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ wħud minn dawk prezenti. Fost oħrajn huma impressjonaw ruħhom bl-armaturi tas-suldati rumani u bl-istil tar-re-enactment.
Il-pubbliku Malti u t-turisti setgħu jsegwu mill-qrib azzjoni militari ta’ żmien ir-Rumani minn madwar 40 attur.
Kien hemm diversi taħditiet, wirjiet interattivi, attivitajiet għat-tfal, tagħrif dwar il-ħajja f’kamp Ruman, taħriġ ta’ gwarniġjun Ruman u żjarat fil-Forti Rinella.
L-ispettaklu prinċipali, imbagħad, beda għall-ħabta tas-2p.m. b’wirjiet, fost oħrajn, mill-kavallerija kif ukoll ġlied bl-użu tax-xwabel u t-tfigħ tal-lanez.
Din hi waħda minn katina ta’ inizjattivi li se tkabbar l-għarfien dwar l-istorja u l-wirt kulturali Malti.
Intant il-Fondazzjoni Wirt Artna (FWA) qed tħejji attivitajiet oħrajn, fosthom waħda marbuta il-ħajja fit-trenches u allura t-tifkira tal-Ewwel Gwerra Dinjija bil-probabbilta’ li jieħdu sehem diversi re-enactors barranin.
Barra minn hekk qed tissokta l-ħidma fil-proġett li l-FWA qed tagħmel f’Lascaris, il-Belt b’investiment ta’ €2,300,000. Is-sit f’Lascaris, b’medda ta’ 28,000m2, kien jospita l-War Headquarters tal-Ingliżi matul it-Tieni Gwerra Dinjija – kwartieri li baqgħu jservu anki fis-snin tal-Gwerra l-Bierda.
Il-FWA għandha wkoll xogħolijiet ta’ restawr fil-Batterija Kostali fil-Mistra, fuq it-tirri ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn u fuq it-torri tax-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar. B’kollox, il-Fondazzjoni Wirt Artna tieħu ħsieb madwar 40 sit madwar Malta.


