Futbol Sport

“Se tibdew tarawni spiss Malta” – Zanetti, eks captain ta’ Inter

L-eks captain ta’ Inter Javier Zanetti żvela li se jibda jżur pajjiżna spiss minħabba l-ftehim li għadu kemm iffirma mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu li bih sar uffiċjalment ambaxxatur ta’ pajjiżna.

Zanetti qal dan waqt li kien qed jindirizza lill-ġurnalisti lokali waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-bieraħ f’Ħal-Luqa. Zanetti qal li jinsab eċċitat ħafna għal dan il-proġett u jittama li jkun l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ attivitajiet li jista’ jkun involut fihom f’Malta.

L-eks player internazzjonali Arġentin irringrazzja lill-awtoritajiet Maltin u lill-pubbliku kollu Malti tal-ospitalita’ u qal dan dan jimlieh b’kuraġġ għall-futur. Zanetti kellu l-ewwel sessjoni ta’ fotografija madwar Malta hekk kif wiċċu se jibda jintuża f’kampanji publiċitarji tal-MTA.

Fuq il-Fondazzjoni ‘Pupi’ hu qal li l-għan ta’ din il-fondazzjoni hi li tgħin tfal inqas ixxurtjati fejn b’kollox ‘Pupi’ tagħti għajnuna lil madwar elf tifel u tifla fil-periferija ta’ Buenes Aires.

Meta mistoqsi jekk il-kamp ta’ taħriġ li se jkun qed imexxi f’dawn il-jiem hux se jibda jsir kull sena Zanetti ma ikkonfermax dan imma fl-istess ħin ma eskludiex li jibqa’ jsir.

Hu żied jgħid li hu dejjem ta’ pjaċir għalih meta jaħdem mat-tfal.

“Jien u Cambiasso kellna skola tal-football f’Milan u kull darba li kont nattendi għal xi sessjonijiet dejjem ħadt pjaċir għaliex it-tfal ituk sodisfazzjon” temm jgħid Zanetti.

Zanetti se jkun qiegħed imexxi kamp ta’ taħriġ li għalih se jattendu madwar 165 parteċipant. Is-sessjonijiet ta’ taħriġ bdew il-bieraħ u se jintemmu għada u dawn se jsiru fil-grawnd tal-Luxol.