L-attakkant internazzjonali Spanjol David Villa se jħalli liċ-ċampjins Spanjoli Atletico Madrid, b’rapporti mill-kapitali Spanjola jgħidu li Villa se jingħaqad ma’ New York City FC fl-Istati Uniti.
David Villa kien strumentali fir-rebħa ta’ Atletico fil-Liga Spanjola wara nuqqas ta’ 18-il sena, u għen lit-tim jasal sal-finali tal-UEFA Champions League li Atletico tilfu kontra l-ġirien Real wara l-ħin barrani l-ġimgħa l-oħra.
David Villa jingħad li kkonferma li hu għandu offerta li ma jistax jirrifjuta. Villa jinsab Manchester għal testijiet mediċi mmexxija minn speċjalisti Amerikani. Villa qal li jinsab ferm eċċittat b’din l-avventura ġdida u qal ukoll li din se tkun sfida ġdida fil-karriera tiegħu.
L-attakkant li għandu 32 sena skorja 13-il gowl f’36 logħba li lagħab ma’ Atletico f’dan l-istaġun. L-ex attakkant ta’ Barcelona u Valencia hu l-aqwa skorer ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali Spanjol u se jkun jifforma parti mill-iskwadra Spanjola li se tiddefendi t-titlu ta’ ċampjins tad-dinja fil-Brażil.
//= $special ?>

