Lokali

Filmat: 104,293 firma kontra r-referendum fuq l-istaġun tal-kaċċa

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) organizzat marċ mid-daħla tal-Belt lejn il-Parlament u wara ppreżentat lil Parlament petizzjoni bil-għan li ma jkunux jistgħu jsiru referenda abrogattivi kontra d-drittijiet tal-minoranza. Il-petizzjoni kienet iffirmata minn aktar minn 104,293 persuna. Fil-marċ ħadu sehem madwar 250 kaċċatur u nassab.

Il-petizzjoni kienet ippreżentata lil Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva minn Joe Perici Calascione, il-President u Lino Farrugia, is-Segretarju tal-FKNK.

Fil-petizzjoni l-FKNK qed titlob li tkun diskussa l-liġi dwar ir-referenda biex ma jkunx jista’ jsir referendum abrogattiv b’mod vendikattiv biex jinqerdu d-drittijiet tal-minoranzi. Dan b’differenza fuq issues nazzjonali bħalma huma l-abort jew id-divorzju.

Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li hu importanti li kulħadd ikollu vuċi fil-pajjiż u jkun nuqqas min-naħa tagħhom jekk ma jippreżentawx il-petizzjoni.

Wara, l-firem kienu ippreżentati lil Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati u llum l-petizzjoni se titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Sadattant f’kummenti lil media, Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit u kelliem għall-Ġustizzja qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur stagun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa limitat u regolat. Hu qal li dan il-PN urieħ bil-fatti għax meta 10 snin ilu kien innegozja mal-Unjoni Ewropea kien innegozja wkoll biex ikollna staġun ta’ kaċċa fir-Rebbiegħa. Fil-fatt il-Pn fil-gvern kien ġab deroga u l-kaċċa fir-Rebbiegħa kompliet tkun ipprattikata.

Beppe Fenech Adami qal li kien hemm perijodu fejn il-gvern Nazzjonalista kellu differenzi mal-UE dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa u l-kwistjoni kienet spiċċat fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-gvern immexxi mill-PN kien ħa pożizzjoni u ġġieled u rebaħ l-argument biex jibqa jkollna l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Dwar il-petizzjoni li kienet ippreżentata ftit qabel, Beppe Fenech Adami qal li din hi maħsuba biex il-Parlament iwaqqaf il-proċess tar-referedum abrogattiv wara li l-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa ġabret numru ta’ firem skont il-liġi biex isir referendum kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Hu spjega li l-PN ma jemminx li għandna nnaqqsu minn dan id-dritt ċivili li jsir referendum għax dan hu wieħed mill-akbar drittijiet ċivili taċ-ċittadini. Hu spjega li l-pożizzjoni tal-PN hi li la darba inġabru l-firem biex isir ir-Referendum, dan għandu jsir. Hu qal li jidher li din hi wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern u fir-Referendum kulħadd għandu d-dritt li jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu liema dritt kien ingħata mill-gvern Nazzjonalista.