Lokali

Darren Degabriele għadu fil-periklu li jitlef ħajtu, il-Pulizija qed iżżomm mill-anqas sitt persuni

Darren Degabriele ta’ 35 sena minn Birżebbuġa, li kollox jindika li kien il-mira tal-bomba li splodiet fil-karozza tiegħu lbieraħ waranofsinhar waqt li kien qed isuq lejn Marsaxlokk, għadu fil-periklu li jitlef ħajtu wara li prattikament ġismu nħaraq kollu fl-isplużjoni. Degabriele jinsab għall-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Min-naħa tagħha, Stephanie Tonna ta’ 28 sena minn Birkirkara, li kienet fl-istess karozza, ukoll weġġgħet fl-istess splużjoni, iżda l-kundizzjoni tagħha jidher li mhix gravi. Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li fis-sigħat li għaddew il-Pulizija ntensifikat l-investigazzjonijiet tagħha u nterrogat numru ta’ persuni fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Jidher li l-Pulizija qed iżżomm mill-anqas sitt persuni b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-3.45pm meta Darren Degabriele, li hu propjetarju ta’ ristorant f’Marsaxlokk u anke sid ta’ bastiment tas-sajd, kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ Marsaxlokk. Meta wasal qrib in-niżla lejn Marsaxlokk fi Triq iż-Żejtun, seħħet splużjoni fil-karozza tat-tip Mitsubishi Pajero li kien qed isuq u ġarrab ħruq estensiv ta’ madwar 90% ta’ ġismu. B’xorti tajba, it-tfajla li kienet miegħu u li hi nfermiera, ħelsitha biss b’feriti ħfief u anke rnexxielha tagħti l-ewwel għajnuna lil Degabriele fil-post.

Mal-isplużjoni seħħet ukoll ħabta bejn xi karozzi li nzertaw għaddejjin fil-viċinanzi u li ppruvaw jevitaw in-nar. L-istess karozza tal-vittma wkoll ħabtet ma’ karozza oħra, tat-tip Renault Megane, li wkoll ħadet in-nar mad-daqqa. Jidher li x-xufier ta’ din il-karozza, ta’ 32 sena mill-Kalkara u li kien eżatt wara l-Pajero, tilef il-kontroll minħabba xi fuel li ħareġ mill-vettura ta’ quddiemu. Kawża ta’ dan, hu ħabat ma’ arblu tad-dawl u ma’ karozza oħra li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Filwaqt li sid ir-Renault jidher li ma ġralu xejn, is-sewwieq tal-karozza li kien qed isuq fid-direzzjoni opposta, raġel ta’ 39 sena minn Ħal Għargħur, ukoll kellu jiddaħħal l-Isptar għall-kura minħabba feriti li ġarrab kaġun tal-isplużjoni.

Sadanittant, f’post fuq Facebook, Stephanie Tonna appellat għat-talb għal Darren Degabriele u qaltlu biex ma jħallihiex waħedha (ritratt isfel).