F’intervista li ta lil MediaLink, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ħabbar li l-Parlament se jimxi għall-bini l-ġdid tiegħu matul il-waqfa tas-sajf ħalli l-ewwel seduta tal-Parlament wara s-sajf issir fil-bini l-ġdid. Aħbar tajba ħafna; u għal ħafna raġunijiet.
Minkejja dak kollu li għamel il-Labour negattiv
Hi aħbar tajba għax għall-ewwel darba wara 93 sena, l-ogħla istituzzjoni tal-istat, se jkollha bini apposta u mhux imħaxkna fil-Palazz. U hi aħbar tajba għax dan se jseħħ minkejja kampanja kbira negattiva tal-Labour kontra l-binja prestiġjuża fuq livell dinji ta’ Renzo Piano, kemm meta l-Labour kien fl-oppożizzjoni u anke fil-gvern.
Mhux b’raj il-Gvern Laburista
Fl-oppożizzjoni, il-Labour ra kif każbar b’kull mod l-għażla ta’ Renzo Piano u d-disinn ta’ dan l-arkitett dinji għall-Parlament Malti. U malli tela’ fil-gvern, il-Prim Ministru Muscat mar għand Piano ħalli jara kif dil-binja jdawwarha f’xi mużew ħalli jxejjinha. Piano naturalment qal ċar lil Muscat fejn hu post l-ideat negattivi tiegħu.
Problema ta’ rekord ta’ ministri
Il-kampanja distruttiva ta’ tkażbir tal-proġett ta’ Piano, il-Labour komplieha fil-Parlament stess jargumenta li l-binja l-ġdida, li se jkollha ferm aktar spazju milli hemm bħalissa fil-Palazz, ma tesax ir-rekord ta’ ministri li għamel Muscat. Gvern li ried ikażbar lil Renzo Piano għax ma ħasibx għal kabinett li hu akbar minn tal-Italja.
Ir-rigal tal-Gvern Nazzjonalista lill-pajjiż
Dak in-negattiv u d-distruttiv tal-Labour. Imma ejja naraw dan ir-rigal sabiħ tal-Partit Nazzjonalista lill-pajjiż. Li jkollna binja ta’ Renzo Piano, li kien ċelebrat f’Londra għall-binja tax-Shard kif kien ċelebrat f’Pariġi għaċ-Ċentru Pompidou u għal tant binjiet oħra, hu stqarrija fil-blat tal-importanza tad-demokrazija parlamentari fi dħul il-kapitali tagħna bħal ħafna parlamenti f’binjiet ewlenin fil-kapitali tagħhom.
Malta bħala pajjiż avanzat li jaf japprezza l-arti u l-ġdid
Din se tkun ukoll dikjarazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż avanzat li jaf japprezza l-arti u l-ġdid. L-Istitut Amerikan tal-Arkitetti, li onora lil Renzo Piano bil-midalja tad-deheb t iegħu jgħid: “Renzo Piano hu wieħed minn ftit arkitetti dinjin li taw forma lil żmienna.” Dan hu li jfisser id-disinn ta’ Renzo Piano għall-Parlament għax japprezza l-passat waqt li jifhem li l-uniku żmien fejn nistgħu mmorru hu l-futur.
Simbolu ta’ pajjiż kburi bl-imgħoddi u ħerqan għall-ġejjieni
Il-Parlament ta’ Piano se jkun il-bini ewlieni fid-daħla tal-kapitali tagħna, bini simbolu ta’ dak li jrid ikun pajjiżna; pajjiż żagħżugħ kburi bl-imgħoddi tiegħu imma mhux magħluq fl-imgħoddi, anzi ħerqan għall-ġejjieni tiegħu. Dan hu s-sinjal tal-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna, flok il-partiġġjaniżmu negattiv u l-filistiniżmu tal-Labour. U se jkun rigal mill-aktar xieraq għal pajjiżna waqt li jkun qed ifakkar il-50 sena tiegħu bħala nazzjon kif xtaqu l-Partit Nazzjonalista: nazzjon wieħed, kburi, demokratiku, liberu, modern, kulturat, Ewropew.