Edukazzjoni Għawdex Lokali

Il-kampus ġdid tal-MCAST f’Għawdex mhu ġdid xejn: se jkun minflok l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem

Waqt attività politika tal-Partit Laburista lbieraħ filgħodu fin-Nadur, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ħabbar il-ħsieb tal-Gvern li jiftaħ kampus tal-Kullegg Malti ghall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknologija (MCAST) f’Għawdex biex, skont hu, l-istudenti ma jibqgħux sparpaljati fi skejjel differenti madwar il-gżira Għawdxija. Iżda forsi ftit kienu dawk li qatt immaġinaw li dan il-kampus se jinfetaħ l-għada li Muscat għamel din id-dikjarazzjoni għax xi ħaġa bħal din, normalment tkun tenħtieġ ippjanar, fost l-ohrajn biex jinstab post adegwat u mgħammar bil-faċilitajiet kollha.

Iżda mhux hekk ġara f’dan il-każ għax l-għada li Muscat ħabbar dan, jidher li ttieħdet id-deċiżjoni li dan il-kampus jinfetaħ akkost ta’ kollox u malajr kemm jista’ jkun, anke jekk dan isir a skapitu ta’ għalliema u studenti oħrajn, kif fil-fatt ġara. Fil-fatt MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li biex il-Gvern jiftaħ kampus tal-MCAST f’Għawdex, anqas minn 24 siegha wara li l-Prim Ministru ħabbar dan, iddeċieda li jżarma istituzzjoni edukattiva oħra: l-Iskola tal-Arti.

Dalgħodu stess, l-għalliema, l-istaff u l-istudenti tal-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem ġew avżati biex mill-għada ma jmorrux iżjed l-iskola f’Għajnsielem iżda jirrappurtaw fl-Iskola tax-Xewkija. Dan għaliex l-Iskola tagħhom se tinbidel f’kampus ġdid tal-MCAST, skont dak li wiegħed Muscat. L-Iskola tal-Arti f’Għawdex, li kien fetaħ il-Gvern Nazzjonalista, kienet suċċess kbir u fl-aħħar snin l-amministrazzjoni tal-Iskola saħanistra kisbet fondi mill-Unjoni Ewropea biex tagħmel żviluppi strutturali fil-kumpless.

Kien ftit wara l-11am tal-lum xħin ħabta u sabta l-għalliema u l-istudenti f’din l-Iskola sabu ma’ wiċċhom għal laqgħa urġenti, uffiċjali mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li ntbagħtu apposta minn Malta biex jinfurmawhom b’dan iċ-ċaqlieq. Aktar tard, wara li diversi għalliema esprimew l-għadab tagħhom għal din id-deċiżjoni mgħaġġla, l-għalliema rċievew telefonata mill-Ministeru għal Għawdex, b’uħud minnhom personalment mingħand il-Ministru Anton Refalo, biex imorru l-Ministeru ħalli jkellmuhom fuq din id-deċiżjoni.

Uħud mill-għalliema fl-Iskola tal-Arti li għamlu kuntatt magħna esprimew ir-rabja tagħhom għall-mod kif ġew trattati, kif ukoll esprimew tħassib dwar kemm l-Iskola tax-Xewkija hi adattata għal-lezzjonijiet tal-Arti, li huma lezzjonijiet speċjalizzati li jirrikjedu l-użu ta’ ħafna apparat. Dan hekk kif fix-Xewkija, l-iskola diġà qed tintuża’ għal għanijiet oħrajn, bil-probabbiltà li mhux se jkun hemm biżżejjed spazju biex tilqa’ wkoll fiha l-lezzjonijiet tal-Arti.

Jidher ukoll li l-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni talbu lill-għalliema jiġbru l-affarijiet tagħhom u jitilqu ‘l barra dak il-hin stess, bil-Kap tal-Iskola kellu jimprovizza u jipprovdi kaxxi tal-kartun ħalli jsir dan iċ-ċaqlieq. Is-sorsi li tkellmu magħna spjegaw li kellhom jużaw il-vetturi personali tagħhom biex jagħmlu ċ-ċaqlieq meħtieġ, filwaqt li aktar tard intbagħtu wkoll xi trakkijiet ħalli l-għalliema jingħataw l-għajnuna jġorru l-apparat, f’eżerċizzju li l-għalliema stess iddeskrivewh bħala “invażjoni nazista”. Agħar minn hekk, dak il-ħin stess bdew jinbidlu wkoll is-serraturi, fosthom f’bibien prinċipali tal-Iskola u f’xi klassijiet.

Mistoqsijiet li bagħatna lill-MCAST dwar dak li ġara f’Għawdex fin-nofstanhar ta’ dalgħodu baqgħu bla tweġiba. Mhux magħruf lanqas jekk il-konsulent tal-Ministeru għal Ghawdex dwar l-Edukazzjoni kienx infurmat b’din id-deċiżjoni.