Il-wegħda li għamel il-Gvern li ma jgħollix l-eta’ tal-irtirar mistennija toħloq problema għas-sostenibilita’ tal-pensjonijiet. U minkejja li l-Gvern qal li se jkun qed idaħħal miżuri fis-suq tax-xogħol, skont il-Kummissjoni Ewropea, dan mhux se jkun biżżejjed.
Dan joħrog minn rapport li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dwar Malta li fih, filwaqt li qalet li l-ekonomija Maltija jidher li għandha futur pożittiv, esprimiet dubji dwar il-pensjonijiet kif ukoll dwar is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Il-Kummissjoni tgħaqqad iż-żewġ problemi li qed tiffaċċja Malta flimkien u tgħid li s-sostenibilita’ tas-sistema tas-saħħa f’pajjiżna tkabbar l-isfida li għandu l-pajjiz, speċjalment meta wieħed iqis li l-ispiża qiegħda dejjem tiżdied meta wieħed iqabbilha mal-eta’.
Dwar is-sistema tas-saħħa, il-Kummissjoni Ewropea rreaġixxiet għall-abbozz ta’ strateġija li kien imniedi riċentament, u qalet li għadu mhux cert kif dan se jiġi implimentat u x’vantaġġi se jġib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sostenibilita’ fit-tul u valur għall-flus.
Fir-rapport tagħha, l-Kummissjoni tagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Fosthom li Malta għandha tikkontrolla l-iżbilanċ b’mod sostenibbli, li tgħaġġel ir-riforma fil-pensjonijiet, u ssaħħaħ l-isforzi li jiggarantixxu li t-taħriġ u l-edukazzjoni jibqgħu ċentrali fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li pajjiżna jiddiversifika t-taħlita tal-enerġija fl-ekonomija – fost l-oħrajn billi juża aktar enerġija li tiġġedded, kif ukoll biex Malta tkompli bl-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza u tnaqqas id-dewmien f’dak li jissejjaħ il-‘public procurement’ – fi kliem ieħor tnaqqas il-burokrazija.
L-istess rapport jirrikonoxxi l-fatt li Malta qed timplimenta numru ta’ miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fosthom servizz ta’ child care b’xejn.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-UE ħabbret dawn ir-rapporti magħrufin bħala Country-Specific Recommendations għall-istati membri kollha b’mod individwali, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li għalqet dik li tissejjaħ l-Excessive Deficit Procedure li kienet imposta fuq sitt pajjizi, għaliex, skont il-Kummissjoni, dawn is-sitt pajjiżi issa ġabu l-iżbilanċ tagħhom taħt kontroll.
Malta, iżda, baqgħet fost il-pajjiżi li l-Kummissjoni Ewropea għadha għaddejja bil-proċeduri kontrihom minħabba żbilanc eċċessiv. Malta għandha sa tmiem din is-sena biex tnaqqas l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi kif stabbilit mir-regolamenti finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>