Il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef, laqgħet it-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest ta’ raġel li ilu l-ħabs għal aktar minn sena fuq każ ta’ abbuż fuq bintu, liema każ ħa żvolta oħra wara li l-istess bintu qalet li kienet ommha stess li ġiegħlitha tgħid li missierha abbuża minnha.
Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed raġunijiet biex ir-raġel jinħeles proviżorjament. Il-Qorti ordnat dan il-ħelsien taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jistax iħalli Malta, bl-ebda mod ma jkellem lil bintu, li jżomm lilu nnifsu l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija u/jew uffiċjail oħra tal-Pulizija, ma jonqosx milli jidher il-Qorti f’kull smiegħ tal-kawża u li joqgħod għal kull kundizzjoni oħra li l-Qorti tista’ żżid sakemm idum fis-seħħ dan il-provediment, li hu rimedju proviżorju.
Il-Ġimgħa li għadda, il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Laurence Quintano qalet li kienet qed tastjeni mill-każ fuq żewġ binarji: għax kienet hi li semgħet l-appell tal-istess każ, li biha kienet ġiet ikkonfermata sentenza ta’ sentejn ħabs; u għax l-Imħallef Quintano l-Ġimgħa nzerta li hu Imħallef tal-għassa. Aktar tard, anke l-Imħallef Tonio Mizzi ma ħax deċiżjoni dwar il-każ u qal li dan ma kienx kompitu tiegħu.
It-talba mir-raġel għall-ħelsien saret wara li bintu allegatament kienet imġiegħla minn ommha biex tgħid li missierha abbużaha. Ir-raġel kien ikkundannat sentejn ħabs, liema sentenza ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell, iżda fil-jiem li għaddew kien hemm żviluppi ġodda. Minħabba f’hekk, l-omm tressqet il-Qorti u ġiet mixlija li tat xhieda falza.
Bil-provi f’idejha, il-Pulizija ressqet b’arrest lill-omm, ta’ 44 sena minn San Pawl il-Baħar, mixlija b’xhieda falza fil-konfront tal-eks raġel tagħha u li ħalfet falz quddiem Maġistrat. Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha.
Sadanittant, fl-aħħar żviluppi, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-proċeduri kontra l-omm li, skont bintha ġiegħlitha tgħid li missierha abbużaha meta ma kienx vera, għandhom jitħaffu kemm jista’ jkun. Hu qal li dawn il-proċeduri għandhom jitħaffu, fid-dawl li skont Magistrat ir-raġel jista’ jkun li kien il-ħabs bla ħtija. Fl-istess ħin, sostna l-Ministru Bonnici, id-drittijiet ta’ kulħadd, fosthom dak li persuna tkun innoċenti sakemm tinstab ħatja u li kulħadd ikollu smigħ ġust, għandhom jiġu mħarsa.
//= $special ?>

