Fit-28 ta’ April li għadda, iffaċċjat bil-mistoqsijiet mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li se jinsisti biex il-billboards illegali li hawn madwar il-pajjiż jitneħħew mill-aktar fis possibli wara li waħħal fil-kuntrattur għall-billboards illegali li kienu qed jagħmlu propoganda għall-Gvern u l-Partit Laburista. Ftit anqas minn xahar wara, saret l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u sa dakinhar il-billboards illegali baqgħu f’posthom mingħajr ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
Issa li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għaddiet, skont avviż li deher fil-gazzetti tal-bieraħ, jidher li l-MEPA se tieħu azzjoni. L-avviż, maħruġ mill-MEPA u minn Transport Malta, jagħti cans sal-20 ta’ Ġunju biex kull billboard li hu bla permess u jinsab f’post fejn mhux suppost, jitneħħa. Jekk dan ma jiġrix, iwissi l-avviż, dawn il-billboards se jkunu qed jinqerdu.
Minkejja l-ammissjoni ta’ Muscat lejn l-aħħar ta’ April, fit-18 ta’ Mejju l-Ministru responsabbli minn Transport Malta Joe Mizzi kien ammetta li tliet ġimgħat wara kienu għadhom ma ttieħdu l-ebda passi. Madankollu, issa li għaddiet l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, jidher li l-MEPA se tieħu passi.
//= $special ?>