Wara li ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-qafas għall-istrateġija għall-edukazzjoni f’Malta bejn l-2014 u l-2024, tħabbar li matul il-ġimgħatejn li ġejjin se jkunu diskussi l-pjani u l-ideat tal-iskejjel, bil-Gvern jirreaġixxi ħalli l-istess skejjel itejjbu lilhom infushom. F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur tad-Dipartiment għar-Riċerka u l-Iżvilupp Frank Fabri fisser li dan il-qafas għandu erba’ miri prinċipali li jaqblu mal-miri Ewropej u dinjija.
L-ewwel: li jnaqqas l-iżbilanċ fir-riżultati tat-tagħlim bejn is-subien u l-bniet u bejn tfal li jmorru fi skejjel differenti; li jnaqqas l-għadd ta’ studenti li jmorru ħażin fl-iskola filwaqt li jgħolli l-livell tal-litteriżmu, in-numeriżmu, il-kompetenza fix-xjenza u t-teknoloġija u li jżid l-għadd ta’ studenti li jirnexxu fl-iskola.
It-tieni: li jgħin lit-tfal li jkunu fir-riskju tal-faqar jew ġejjin minn ambjent soċjo-ekonomiku mwiegħer biex jirnexxu fl-iskola, filwaqt li jitnaqqas l-għadd ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola.
It-tielet: li jiżdied in-numru ta’ nies li jiksbu tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim tal-adulti.
Ir-raba’: li jżid l-għadd ta’ studenti li jagħżlu li jsegwu korsijiet post-sekondarji, vokazzjonali u terzjarji u jikkwalifikaw fihom.
Frank Fabri saħaq li l-iskejjel għandhom jiffukaw fuq il-prijoritajiet tagħhom u jenfasizzaw fuq l-erba’ suġġetti prinċipali: il-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, u x-Xjenza u t-Teknoloġija Diġitali. Hu tkellem ukoll dwar l-importanza tad-diversi ħiliet bl-iskop li għada pitgħada l-istudenti jsibu xogħol adattat u speċjalizzat.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo sahaq li b’din l-istrateġija m’hemm ebda ħsieb li l-Gvern jimponi u jneħħi l-awtonomija tal-iskejjel. Bartolo fisser li din l-istrateġija hi pass ‘il quddiem għall-qasam edukattiv għax fejn qabel l-enfażi prinċipali kienet fuq l-iskejjel b’mod ġenerali, issa l-pjani se jkunu mfassla għal kull skola b’mod individwali.
Evarist Bartolo qal li fost ohrajn għandha tkun indirizzata d-diskrepanza li teżisti fil-ħiliet tal-bniet u tas-subien, filwaqt li fakkar li dak li jiġri lil hinn mill-iskola jaffettwa lit-tfal aktar mid-doppju. Il-Ministru Bartolo saħaq ukoll li l-ġenituri għandhom ikunu sħab fil-proċess edukattiv.
//= $special ?>
