Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca nediet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju tal-President għal Kreattivita’.
L-għan ta’ dan il-Premju hu li t-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunita’ jimpenjaw ruħhom biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jimplimentaw programmi soċjali u komunitarji permezz tal-arti. It-tliet programmi ta’ premjazzjoni huma mmirati għat-tfal, iż-żgħażagħ u l-komunita’ u b’kollox se jingħataw 65,000 ewro.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST fil-Mosta, il-President qalet li l-arti u l-kreattivita’ għandhom il-potenzjal li jġibu bidla soċjali u riġenerazzjoni anki f’postijiet karatterizzati minn ambjenti difficli ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Hi fissret kif se jkunu provduti fondi u diversi għajnuniet lil tfal, żgħażagħ u organizzazzjonijiet komunitarji li l-mezzi finanzjarji jistgħu jxekkluhom milli jiżviluppaw proġetti innovattivi li jkunu ta’ ġid għas-soċjeta’. Il-President Coleiro Preca sostniet li dan il-premju se jinkoraġġixxi iktar ħidma komunitarja u jagħti appoġġ biex it-tfal u ż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
//= $special ?>