L-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino ħabbar li nfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex il-pubbliku jgħaddi tagħrif dwar drenaġġ li jintefa’ fl-għelieqi biex jintuża’ mill-bdiewa minflok fertilizzant. Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-Belt, li fiha ħadu sehem ukoll il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar David Pace u l-Kummissarju għas-Saħħa Charles Messina.
It-tema tal-konferenza tal-aħbarijiet kienet “Il-Prattika tar-Rimi tad-Drenaġġ fuq Art Kultivata: Impatti Negattivi fuq is-Saħħa u fuq l-Ambjent”. L-Ombudsman Said Pullicino qal li l-konsultazzjoni pubblika se tagħlaq fit-22 ta’ Ġunju u kull informazzjoni li jagħti l-pubbliku tinżamm kunfidenzjali. Hu qal li wara r-rapporti fil-media dwar din il-prattika, fuq inizjattiva tiegħu, inkariga lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar u lill-Kummissarju għas-Saħħa biex jagħmlu l-istħarriġ tagħhom ħalli l-kwistjoni tittieħed minn perspettivi differenti.
Charles Messina qal li hu talab rapport mingħand il-Kummissjoni dwar is-Sigurtà tal-Ikel biex jara kienx hemm xi allarm dwar ikel, l-aktar ħxejjex, ta’ kwalità ħażina minħabba d-drenaġġ fl-għelieqi. Hu qal li ma jidhirx li hemm lok ta’ allarm. Min-naħa tiegħu, il-Perit David Pace qal li l-problema tar-rimi tad-drenaġġ fl-għelieqi hi mifruxa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Qal li jidher li qed jinġabar drenaġġ minn irziezet tal-baqar u tal-majjali u dan qed jintefa’ fl-għelieqi. Xi rapporti jindikaw ukoll li anke ħmieġ mill-fabbriki qed jintefa’ f’xi għelieqi u dan jista’ jkollu effett fuq l-ilma tal-pjan.
L-Ombudsman qal li wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, jibda jitfassal ir-rapport finali dwar din il-prattika llegali.
//= $special ?>