Qorti

L-Avukat ta’ George Farrugia jgħid li kien mhedded minn konsulent ta’ kumpanija

L-Avukat Siegfried Borg Cole qal quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li huwa kien mhedded minn Tony Debono, konsulent ta’ kumpanija propjeta’ tal-familja ta’ George Farrugia. L-Avukat ta’ George Farrugia, li kien ngħata l-proklama Presidenzjali biex jikxef każijiet relatati mal-iskandlu taż-żejt, qal li huwa ħassu mhedded minn Tony Debono f’konverżazzjoni telefonika li kellu miegħu.

Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Tancred Tabone ta’ 61 sena minn Tas-Sliema, li jinsab mixli b’involviment fl-iskandlu tat-tixħim fix-xiri taż-żejt, allegazzjoni li huwa qed jiċħad u fejn qed jgħid li m’għandu b’ebda nvolviment ma’ xiri rregolari ta’ żejt.

L-Avukat Siegfried Borg Cole għażel li jirrispondi ftit mill-mistoqsijiet magħmula mid-difiża ta’ Tancred Tabone. Ix-xhud fil-fatt kien qed jixhed u konxju li kien obbligat bil-kunfidenzjalita’ lejn il-klijenti tiegħu kollha. Huwa qal li l-kunfidenzjalita’ rigward il-professjoni tiegħu mhijiex obbligazzjoni għalih, imma xkiel. Huwa qal li huwa fid-dmir li ma jirrispondix mistoqsijiet inkonnessjoni mal-professjoni tiegħu. Madankollu qal li jista’ jagħti dettalji fuq telefonata partikolari, fejn skont hu kien ġie mhedded. L-Avukat Borg Cole, irrakkonta kif rċieva telefonata mingħand Tony Debono.

Huwa qal li fil-bidu li kienu bdew il-problemi bejn l-aħwa Farrugia, huwa kien fl-uffiċċju tiegħu meta ċempillu Tony Debono. Dan kien uffiċjal għoli ta’ waħda mill-kumpaniji li jiġġestixxu l-familja Farrugia. Tenna li waqt it-telefonata, huwa ħalla l-ispijker mixgħul, biex George Farrugia ikun jista’ jisma’ kollox.

Debono qallu biex joqgħod pass lura għaliex għandu organiżazzjoni warajh. Tenna li meta sema’ t-theddida, huwa qatagħlu l-linja. Meta ppressat mill-Avukat Gianella De Marco, ix-xhud qal li kien interpreta dak li kien qallu Debono bħala theddida, iżda ma ħassx li kellu jagħmel rapport lill-Pulizija. Qal li ma jafx x’fisser bil-kelma “organiżazzjoni”. Tenna li meta reġa’ ltaqa’ miegħu huwa kien qallu li kien qabeż il-linja, u huwa skuża ruħu. Ix-xhud qal li m’għandu xejn kontra Debono fuq dak li kien qal. Kompla jgħid li ma jafx x’fissret din il-kelma.

L-Avukat ta’ Tabone staqsiet diversi mistoqsijiet iebsa fuq dwar għaliex Debono kien ċempillu u fejn kien meta saret it-telefonata. Dr De Marco riedet tkun taf ukoll is-suġġett li kien qed jiġi diskuss bejn Borg Cole u George Farrugia fil-ħin tat-telefonata.

“Debono ċempillek fuq xi ftehim li saru jew li kellu x’jasqam ma’ George Farrugia ma’ terzi persuni. Jew inkella f’relazzjoni mal-fatt li huwa kien qed jieħu xi flus mingħand ħutu?”, staqsiet id-difiża. Madankollu l-Avukat  Siegfried Borg Cole irrifjuta li jwieġeb, fejn qal li huwa kien qed jiddefendi affarijiet kunfidenzjali li għandhom x’jaqsmu mal-klijenti tiegħu.

Il-każ ikompli fis-6 ta’ Ottubru li ġej.