Lokali

Marlene Farrugia tappella għal “bidu ġdid”

“Bidu ġdid” hu t-titlu tal-artiklu ta’ kull nhar ta’ Tnejn li kitbet id-Deputata Laburista Marlene Farrugia din il-ġimgħa f’The Malta Independent. Il-backbencher tal-Gvern tispjega li bħalissa, hekk kif qed joqrob dejjem aktar is-Sajf, tiġik it-tentazzjoni li tagħti l-ġenb lill-politika u l-enerġija pożittiva tiegħek tużaha biex tirrilassa u tgawdi l-ġmiel tan-natura Maltija.

Marlene Farrugia tikteb li dan hu wkoll il-parir li qed jagħtuha sħabha, jiġifieri li tagħlaq ħalqha u toqgħod tixxemmex ġurnata sħiħa. Iżda Marlene Farrugia tiddikjara li tipprova kemm tipprova, mhux se jirnexxielha tagħmel hekk, anzi taf li finalment se tagħmel eżatt l-oppost għax m’hemm xejn isbaħ minn sfida ġdida, tikteb id-Deputata Laburista. Fl-artiklu tagħha f’The Malta Independent, Marlene Farrugia tagħmel ukoll analiżi tas-sitwazzjoni politika f’pajjiżna wara l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Filwaqt li tirrikonoxxi r-rebħa Laburista u li Joseph Muscat wera li hu espert fl-istrateġija, Marlene Farrugia tgħid li ma taqbilx assolutament mal-mod kif il-Gvern ta’ Muscat qed kulma jmur jadotta sistema ta’ klijenteliżmu, bil-għan li jsaħħaħ il-poter. Hi kitbet li ma taqbilx lanqas mal-fatt li l-Gvern irid iżomm il-poter kollu f’idejh u jiddeċiedi kollox hu.

Farrugia kitbet li din xi ħaġa li tfakkarha ħafna fis-snin sebgħin u tmenin meta hi, billi kienet ġejja minn familja Laburista, kienet parti minn dik is-sezzjoni tas-soċjetà li kienet protetta mill-politiċi. Għad-Deputata Laburista, l-unika differenza minn dawk iż-żminijiet hi li dan kollu llum qed isir bla mistħija ta’ xejn u fil-miftuħ, tant li dalwaqt issir ir-regola tal-ġurnata meta m’għandux ikun hekk, aktar u aktar għax ġejna mwegħda stil ġdid ta’ politika.

Marlene Farrugia ndirizzat ukoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li tgħid li jrid jibda paġna ġdida għall-PN, b’mod partikolari biex jagħmlu mill-ġdid partit kredibbli. Hi fakkret li l-elezzjoni li jmiss mhux se tkun deċiża mill-ideoloġiji, iżda mill-kredibbiltà u minn kemm verament inkunu qed ngħixu aħjar, kif ukoll liema partit verament ikun f’pożizzjoni jiggarantilna dan.

Fl-artiklu f’The Malta Independent, b’referenza għall-mument li għaddej minnu l-PN, Marlene Farrugia kitbet ukoll li issa hu nteressanti li wieħed jara kemm hawn Maltin u Għawdxin li għandhom il-kuraġġ imorru lura għall-għeruq tagħhom. Hi fakkret li hi hekk għamlet meta fl-2004 is-sitwazzjoni kienet bil-kontra, meta l-PN kien fl-aqwa tiegħu u l-PL kien għarkubbtejh u kellu jaċċetta s-sħubija fl-UE.