Qorti

Multa u twissija għal tfajla taħt l-età li nqabdet bil-kannabis

Tfajla ta’ 17-il sena, li hi ta’ nazzjonalità Taljana, kienet immultata €58 u ngħatat twissija mill-Qorti wara li nqabdet fil-pusses ta’ raża meħuda mill-pjanta kannabis. L-Ispettur Dennis Theuma qal li fl-1 ta’ Mejju 2013, waqt party li kien qed isir f’diskoteka f’Ta’ Qali, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu għamlu tfittxijiet fuq persuni li kienu preżenti.

Waħda mill-persuni arrestati kienet it-tfajla Taljana, li kien twaqqfet minn żewġ Kuntistabbli hekk kif kienet dieħla fil-post. Fuqha nstabu disa’ joints tal-kannabis f’pakkett tas-sigareti. L-Ispettur Theuma kien interrogaha fil-preżenza ta’ missierha tar-rispett, filwaqt li ommha kienet barra minn Malta u għalhekk ma setgħetx tkun preżenti fil-ħin tal-interogazzjoni, iżda kienet infurmata bis-sitwazzjoni.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-Ispettur Theuma qal ukoll li t-tfajla kkoperat bis-sħiħ mal-Pulizija waqt l-investigazzjoni u ammettiet li kellha fil-pusses tagħha sustanza llegali. Hi qalet li ma kellha l-ebda ħjiel tal-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħha. It-tfajla qalet ukoll li aċċettat li ġġorr il-pakkett għal terza persuna.

L-Ispettur Theuma qal li invista tal-fatt li t-tfajla kkoperat mal-Pulizija, fil-futur qrib għandu jitressaq raġel mixli bi traffikar ta’ droga. Lill-Pulizija, it-tfajla qaltilhom ukoll li xi erbat’ijiem qabel ma seħħ il-każ, hi kienet iltaqgħet ma’ ħabib maskili li taha pakkett li kien fih xi qratas. Hi ammettiet li kellha grazzja ma’ dan il-ħabib tagħha, iżda saħqet li hi qatt ma użat droga illeċita.

Madankollu, ħabiba tagħha kienet qaltilha biex tiltaqa’ ma’ ġuvni fil-Qawra u dan qalilha li hu kien jemmen li jekk idaħħal id-droga hu fid-diskoteka, seta’ jinqabad. Minkejja li ma elaborax ħafna fuq din il-materja, talabha biex tgħamillu pjaċir u żżommlu d-droga sakemm hu jċemplilha biex jeħodhom lura. Hu talabha wkoll €40 għad-droga biex jiżgura li tagħtihomlu lura, iżda hi qalet li qatt ma kellha l-intenzjoni li tagħtih xi flus.

Meta qaltlu hekk, hu wissieha biex ma tgħid lil ħadd fuq dan kollu u anke heddidha. Qalet ukoll li kienet ħadet id-droga magħha għax ma riditx li xi membru tal-familja tagħha jsib xi ħaġa d-dar. Hi pprovdiet ukoll deskrizzjoni tal-ħabib li taha d-droga, filwaqt li tat wkoll lill-Pulizija n-numru tal-mobile tiegħu u identifikatu fuq ritratt tal-Pulizija bħala l-persuna li għaddielha l-qratas.

It-tfajla qalet ukoll li ma kellha l-ebda ntenzjoni tbigħ il-qratas fil-party u li riedet teħles minnhom billi tarmihom hekk kif tidħol fl-istabbiliment. Qalet li ma waddbithomx hi u sejra lejn id-diskoteka minħabba li kien missierha tar-rispett li wassalha sad-diskoteka. Wara l-ammissjoni tat-Taljana, anke jekk xi ftit tard fil-proċeduri, il-Qorti qieset il-fatt li kkoperat bis-sħiħ mal-Pulizija, tant li anke l-Prosekuzzjoni qalet li din għandha tibbenifika għall-informazzjoni li pprovdiet.

L-avukati Michael u Lucio Sciriha dehru għat-tfajla.