Il-partiti politiċi prinċipali fl-Istati Uniti mhux qed jaqblu dwar l-iskambju ta’ ħames priġunieri miżmuma fi Guantanamo Bay ma’ suldat Amerikan miżmum mit-Taliban, bir-Repubblikani jwissu li dan l-iskambju jista’ jpoġġi ħajjet iċ-ċittadini Amerikani f’riskju.
Is-Senatur John McCain qal li l-priġunieri, li ġew trasferiti fil-Qatar, kienu wħud mill-aktar perikolużi. L-awtoritajiet Afgani wkoll kienu kontra l-ftehim u qalu li t-trasferiment ta’ priġunieri f’pajjiż ieħor kien kontra l-liġi internazzjonali.
Is-Surġent Bowe Bergdahl (ritratt), ta’ 28 sena, ingħata f’idejn il-forzi Amerikani fl-Afganistan nhar is-Sibt li għadda. F’diskors qasir iżda emozzjonali lbieraħ Robert Bergdahl, li hu missier is-suldat, fisser kemm kien kburi b’ibnu li ried jgħin lill-poplu Afgan. Madankollu, stqarr li għad fadallu ħafna biex jirkupra minn dak li għadda minnu.
Robert Bergdahl qal li għadu ma kellimx lill-ibnu, li jinsab f’qagħda tajba u bħalissa qed jingħata kura medika fi sptar militari Amerikan fil-Ġermanja.
//= $special ?>

