Lokali

Tinstab id-droga fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Far imma ma toħroġ l-ebda stqarrija

Dan is-sit jista’ jiżvela li fil-jiem li għaddew instabet id-droga fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni tal-Immigranti f’Ħal Far. Għal xi raġuni ma nħarġet l-ebda stqarrija dwar din is-sejba ta’ ħaxixa li kienet intenzjonata għall-immigranti li huma detenuti f’dan iċ-Ċentru.

Mill-informazzjoni li għandna, il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa u d-droga twaddbet minn xi immigranti miċ-Ċentru Miftuħ li hemm ftit ‘il bogħod miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni, bil-ħsieb li tasal għand l-immigranti sħabhom fuq ġewwa. Għal xi raġuni ma waslitx fid-destinazzjoni tagħha.

Jidher li l-awtoritajiet taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni dan l-aħħar għamlu fence mad-dawra kollha tal-blokk fil-barracks, imma l-boundaring fuq barra għadu l-istess ta’ żmien is-servizzi Ingliżi.

Dan is-sit hu infurmat li nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju, għal ħabta ta’ nofsinhar, numru ta’ immigranti li jinsabu fiċ-Ċentru Miftuħ, marru mal-fence u għaddew xi affarijiet lil sħabhom li jinsabu fiċ-Ċentru l-Magħluq ta’ Ħal Far: xi ħaġa li apparentement tiġri regolarment.

Dan isir billi l-immigranti fuq barra jwaddbu kalzetti b’diversi oġġetti u b’ġebel fihom biex jaqbżu l-fence. Ġeneralment jitfgħu sigaretti, telefons ċellulari u affarijiet oħra. Jidher li din il-prattika ilha ssir għal numru ta’ xhur u saru diversi ilmenti li l-boundaring mhux sikur biżżejjed u jista’ jwassal biex isiru abbużi. Imma l-awtoritajiet għamlu biss fence mad-dawra ta’ ġewwa u fuq barra baqa’ l-istess kif kien snin twal ilu. Jirriżulta li dan in-nuqqas qed iwassal biex suldati u ħaddiema fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni huma preokkupati wkoll minħabba s-sigurta’ tagħhom.

Propjru nhar il-Ġimgħa marru għadd ta’ immigranti miċ-Ċentru l-Miftuħ qrib il-boundaring taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni u bdew igaraw l-affarijiet għan-naħa ta’ ġewwa. Jidher li waħda mill-kalzetti bl-affarijiet fiha waqgħet fit-triq u ma waslitx sa ġewwa u nstabet ftit iktar tard. Minn informazzjoni li għandu dan is-sit il-kalzetta kien fiha 6 pakketti sigaretti – hamsa ssiġillati u wieħed miftuh. Fih kien hemm tmien pakketti suspettużi, x’aktarx qratas ta’  droga ħaxixa, ippakkjata f’boroż żgħar.

Bil-kaz kienet infurmata mill-ewwel ir-Rapid Intervention Unit bl-awtoritajiet taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni jitolbu lill-pulizija biex imorru fil-post jarrestaw lil min waddab l-oġġett u li kien għadu fuq barra.  Imma, mill-informazzjoni li għandna, il-pulizija tal-RIU għal xi raġuni ma marrux. Bir-riżultat li min kien responsabbli leħaq ħarab mill-viċinanzi.

Wara ħafna ħin isejħu l-pulizija tad-Distrett taż-Żurrieq imma kien tard wisq u jidher li ma saru l-ebda arresti minħabba li l-immigranti fuq barra leħqu telqu mill-post. Jirriżulta li aktar tard il-Pulizija ikkonfermaw li l-pakketti suspettużi kienu bid-droga.