Żewġ nisa u raġel weġġgħu u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kienu nvoluti fi ġlieda li seħħet quddiem ristorant fl-Imġarr. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-persuni nvoluti kienu qed jieklu fir-ristorant Tal-Ingliż, fi Triq il-Kbira fl-Imġarr, meta għall-ħabta tal-4pm inqala’ l-argument. Għal xi ħin, iż-żewġ nisa u r-raġel dehru b’xi feriti mal-art fit-triq faċċata tar-ristorant.
Fil-post issejħu l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u anke żewġ Ambulanzi, li ħadu lill-feruti l-Isptar għal aktar kura. Tim mediku mill-Isptar Mater Dei ta l-ewwel għajnuna lill-feruti, filwaqt li l-kundizzjoni tal-feruti għadha mhix magħrufa. Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ.