Editorjal

Editorjal: Dikjarazzjoni qawwija ta’ Marlene Farrugia dwar Simon Busuttil

Il-Partit Laburista fl-aħħar sena tant telagħlu għal rasu bil-voti li qed jaħseb li saru tiegħu għal dejjem li għaddej b’kampanja jgħid lill-Partit Nazzjonalista biex joqgħod iċapċaplu u b’kampanja oħra ta’ attakk negattiv fuq il-persuna ta’ Simon Busuttil.

Stqarrija ċara u ġenwina f’Xarabank
Imma dil-kampanja qed issib nies ġenwini fil-Partit Laburista stess li qed jifhmu eżatt x’inhi. U waħda minnhom hi d-Deputata Laburista Marlene Farrugia li nhar il-Ġimgħa f’Xarabank tkellmet b’mod mill-aktar ċar u ġenwin dwar Simon Busuttil.

L-importanza tal-Oppożizzjoni u tal-kritika
Dan hu x’qalet f’Xarabank: Jien għalija li pajjiż ikollu gvern b’saħħtu u stabbli hija importanti. Imma daqstant ieħor hija importanti li jkollna Oppożizzjoni stabbli, kumpatta u b’saħħitha għaliex trid iżżomm kontroll fuq dak li jagħmel il-gvern. Mela Marlene Farrugia tfisser li l-kritika u l-oppożizzjoni hemm post essenzjali għaliha f’demokrazija.

Simon Busuttil ikkonvinċa lill-pajjiż fuq l-Ewropa
Kompliet Marlene Farrugia: Simon Busuttil huwa l-bniedem li kkonvinċa lill-poplu biex fir-referendum jivvota favur l-Unjoni Ewropea. It-track record tiegħu personali: ġab ‘il fuq minn 68,000 vot f’elezzjoni bħal dik li għadna kemm għaddejna minnha. Marlene Farrugia turi li hemm min fil-Labour stess qed jifhem għala l-attakk fuq Simon Busuttil.

Simon Busuttil ma ħarabx mir-responsabbiltà lejn il-PN qabel l-elezzjoni
Issuktat tistqarr Marlene Farrugia: Simon Busuttil meta ġie msejjaħ minn karriera brillanti li kellu fl-Unjoni Ewropea, ma qagħadx jgħid, ‘Le, jien ħa nibqa’ fejn jien, għax komdu qiegħed.’ Telaq kollox, ġie hawnhekk, kien jaf li kien hemm telfa kbira tistennieh u xorta ħa r-responsabbiltà tal-partit. Marlene Farrugia hi Deputata Laburista u qed titkellem b’mod ġenwin dwar dak li nafu bil-fatti fuq Simon Busuttil.

Ġab it-tielet siġġu għal Partit Nazzjonalista
U tkompli: Jiena nemmen li Simon Busuttil kien kapaċi li ħa deċiżjoni responsabbli li ħa partit imkisser f’idejh, mar għal din l-elezzjoni u xorta ġab it-tielet siġġu għall-partit tiegħu. Anzi, għandu jingħata l-fiduċja kollha. Li għandu bżonn Simon Busuttil huwa illi jerġa’ jibni l-Partit Nazzjonalista bis-support ta’ sħabu.

Marlene Farrugia tappoġġja lill-Gvern imma titkellem b’mod ġenwin
Marlene Farrugia hi Deputata Laburista li diġà qalet li tappoġġja dak li jagħmel il-Partit Laburista. Imma qed titkellem b’mod ġenwin dwar xogħol l-Oppożizzjoni f’demokrazija u dwar Simon Busuttil li meta kellu l-mument tal-prova, għamel is-sagrifiċċju personali u refa’ r-responsabbiltà tiegħu favur il-Partit Nazzjonalista.

Ammirazzjoni għal Simon Busuttil mix-xaqliba l-oħra minn min hu ġenwin
U dak li qalet Marlene Farrugia ma jistax ħlief jurina l-ġenwinità tagħha, u ma jistax ħlief iqanqal lejn Simon Busuttil l-ammirazzjoni tagħna meta din l-ammirazzjoni qed juriha saħansitra anke min qiegħed fuq ix-xaqliba l-oħra tal-politika, imma ġenwin.