F’Għawdex waslet edizzjoni oħra tal-Victoria International Arts Festival. Il-Festival, li din is-sena se jkun qed jidħol fis-17-il edizzjoni tiegħu u li jsir kull sena bi tħejjija għall-Festa tal-Padrun ta’ Għawdex San Ġorġ Martri, li tkun iċċelebrata fit-tielet Ħadd ta’ Lulju fir-Rabat Għawdex. Il-Festival għandu skop kulturali imma wkoll edukattiv, filwaqt li permezz ta’ diversi attivitajiet kulturali ta’ livell għoli mifruxin fuq aktar minn xahar, jippromwovi lil Għawdex bħala ċentru kulturali ta’ kwalità fil-bidu tas-Sajf.
Il-Festival din is-sena se jiftaħ b’kunċert inwagurali l-Erbgħa, 11 ta’ Ġunju u l-kalendarju tal-avvenimenti jibqa’ għaddej kważi kuljum sat-Tnejn, 14 ta’ Lulju, meta jsir il-kunċert tal-għeluq. Fiż-żewġ każi, il-kunċerti se jittellgħu mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Il-Festival hu wkoll rikonoxxut bħala attività nazzjonali wara li dan l-aħħar kien iffirmat ftehim ta’ sħubija kulturali bejn l-organizzaturi tiegħu, il-Kor residenti tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Laudate Pueri, u l-Gvern.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm xejn anqas minn 33 kunċert differenti mifruxin fuq il-ħames ġimgħat, bis-sehem ta’ aktar minn 400 mużiċist lokali u barrani. Fil-Festival se jkunu rappreżentati aktar minn 20 pajjiż differenti u se jiġu nterpretati xogħolijiet ta’ aktar minn 140 kompożitur, b’mużika li tvarja minn xogħolijiet tal-era Medjevali għal dik kontemporanja. Anke l-kunċerti jvarjaw, minn kunċerti solo għal kwartetti, chamber ensembles, korijiet, bands u orkestri.
Tispikka wkoll ġimgħa partikolari, li tkun iddedikata lill-mużika Barokka u li matulha, fil-kunċerti li jsiru, jintużaw strumenti tal-epoka. Bħas-soltu, se jsiru wkoll Master Classes f’diversi dixxiplini mużikali.
Fost ismijiet magħrufa li din is-sena l-organizzaturi rnexxielhom jattiraw il-parteċipazzjoni tagħhom insibu lill-Martinu Quartet, il-grupp korali minn Londra Siglo de Oro li se jinterpreta xogħolijiet kummissjonati esklussivament għal dan il-Festival, il-Clare College Choir ta’ Cambridge, kantanti mill-famuża Cappella Musicale Pontificia Sistina u Gianluca Libertucci li hu l-organista tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Il-kunċerti tal-Victoria International Arts Festival 2014 se jsiru fi tmien postijiet differenti, fosthom fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-qalba tal-Belt Victoria, fl-Awla Mons Ġużeppi Farrugia fl-istess Knisja, fil-Mużew “Il-Ħaġar”, fil-Knisja ta’ San Franġisk, fil-Kunvent ta’ Santu Wistin, fil-Kurja tal-Isqof, fil-Librerija Pubblika u fiċ-Ċentru tal-Kultura u l-Arti fiċ-Ċittadella, kollha fil-kapitali Għawdxija. Il-kunċerti kollha jibdew fit-8pm u d-dħul għalihom ikun b’xejn.
Id-direzzjoni artistika tal-Festival se tkun bħas-soltu f’idejn Mro Joseph Vella.
//= $special ?>