Lokali Saħħa

Festa tad-Donaturi tad-Demm

Is-Sibt 14 ta’ Ġunju hu l-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Għalhekk dakinhar bejn id-disgħa ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ wara nofsinhar ser issir festa kbira ta’ kant, żfin u divertiment fi Pjazza San Luqa, Gwardamanġa.

Fost bosta mistiedna oħra għal din l-attivita’ hemm Ġorġ  u Pawlu, Firelight, Gianluca Bezzina, Kurt Calleja u Gaia Cauchi. Ser tattendi wkoll l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li ser tgħati messaġġ  għall-okkazzjoni. Anke bosta għaqdiet volontarji bħas-Soċjeta’ tas-Salib l-Aħmar, is-St. John’s Ambulance Brigade u t-Transplant Support Group.

L-għan tal-festa hu li l-ġest sabiħ tal-għoti tad-demm mid-donaturi jiġi magħruf u apprezzat mis-soċjeta’, partikolarment minn dawk li xi darba jew oħra rċevew id-demm. Pazjenti li xi darba jew oħra rċevew id-demm huma mħeġġa sabiex waqt l-attivita’ iġibu magħhom kartolina ta’ ringrazzjament. Il-kartolini ser jiġu esposti fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm.