Lokali Sport

Filmat: Fi tmiem il-ġimgħa tittella’ l-Konferenza Nazzonali tal-Isport organizzata minn Tim Sports PN

“L-Isport f’Malta. Il-pass li jmiss” hi t-tema ta’ Konferenza Nazzjonali dwar l-Isport li se ssir f’pajjiżna fi tmiem din il-ġimgħa, organizzata minn Tim Sport PN, il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista li twaqqfet bil-għan li tippromwovi l-isport f’pajjiżna. Din il-Konferenza Nazzjonali, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta, se ssir bejn il-Ġimgħa, 6 u l-Ħadd, 8 ta’ Ġunju fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Minbarra diversi dixxiplini u esebizzjonijiet sportivi, se tpoġġi taħt il-lenti diversi elementi tal-isport, bħall-eżerċizzju, l-isport bħala stil ta’ ħajja aħjar, il-ġlieda lill-obeżità u l-piż żejjed, il-problema tal-bullying, il-media u l-isport, kif ukoll il-psikoloġija u l-amministrazzjoni fl-isport.

Flimkien ma’ Tim Sport PN, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħu l-Isport Robert Cutajar kien strumentali biex issir din il-Konferenza Nazzjonali. F’kumment lil MaltaRightNow.com, Robert Cutajar qal li din il-Konferenza se tibgħat ukoll sinjal ta’ għaqda bejn il-partiti ewlenin f’pajjiżna: il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Alternattiva Demokratika, li se jingħaqdu flimkien minkejja d-differenzi, bl-għan li din il-Konferenza tħalli effett pożittiv fit-tul

Iżda dan l-avveniment se jlaqqa’ f’pajjiżna wkoll numru ta’ protagonisti internazzjonali fil-qasam tal-isport, fosthom iċ-Chief Editor ta’ Sky Sports Nick Powell, l-ewwel ġudoka Taljan li rebaħ midalja fl-Olimpjadi Felice Mariani, l-atleta Ingliża li għandha rekord dinji fl-isport tal-Ultra Distance Sharon Gaytor, kif ukoll l-eks plejer ta’ Juventus li rebaħ unuri kbar fis-snin tmenin Beniamino Vignola.

Il-Konferenza, li l-Ġimgħa filgħaxija se tinfetah miċ-Chairman ta’ Tim Sport PN Robbie Ebejer, se tkun indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-MFA Bjorn Vassallo, mill-footballer li qed jagħmel suċċess barra minn pajjiżna André Schembri, kif ukoll minn uffiċjali, persuni b’diżabbiltà u esperti minn diversi dixxiplini u sports differenti pprattikati f’pajjiżna. Il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport tagħlaq il-Ħadd b’esebizzjoni ta’ logħob mill-iSpecial Olympics Malta u Breaking Limits Malta, esebizzjoni ta’ dixxiplini sportivi varji, kif ukoll djalogu bejn it-tfal u ż-żgħażagħ flimkien ma’ atleti u eks atleti Maltin, bis-sehem tal-mistieden speċjali Beniamino Vignola.