Huwa każ delikat dak ta’ Darren Degabriele – każ li qed jitqies mill-investigaturi bħala kobba imħabbla. Sa ftit tal-ħin qabel l-isplużjoni ta’ nhar il-Ħadd, Degabriele kien għadu Ħal Għaxaq għall-marċ tal-festa – ftit tal-minuti wara, l-attentat fuq il-ħajja tiegħu. B’uħud f’Ħal Għaxaq saħansitra qed jgħidu li l-bomba tpoġġiet mal-karozza propju waqt li hu kien għall-marċ.
Sadinattant id-dar tal-ġenituri ta’ Darren Degabriele, f’Ħal Għaxaq, kienet wieħed mill-postijiet li fuqhom l-investigaturi kkonċentraw il-ħidma tagħhom wara l-każ tal-bomba li splodiet il-Ħadd mal-karozza tal-vittma u li ħalliet lil Degabriele jissielet għal ħajtu fl-Isptar Mater Dei. MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li fl-aħħar 24 siegħa, il-Pulizija u membri tal-Explosive Ordnance Disposal (EOD) għamlu tfittxijiet intensivi fir-residenza tal-familja Degabriele f’Ħal Għaxaq. Fl-istess waqt, ġew interrogati mill-anqas sitt membri tal-familja, inkluż omm il-vittma.
Bl-għajnuna ta’ Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u s-Sezzjoni tal-Klieb, il-membri tal-EOD wettqu wkoll tfittxija fil-karozza ta’ ħu Darren, li joqgħod Ħal Għaxaq ukoll, wara suspett li fil-karozza kien hemm xi splussiv. Saret ukoll tfittxija fil-karozza tat-tfajla ta’ Darren, Stephanie Tonna, li kienet ipparkjata f’Marsaxlokk. Fil-ħin tal-isplużjoni, Tonna, li għandha 28 sena u hi nfermiera minn Birkirkara, kienet fl-istess karozza tat-tip Pajero ma’ Darren iżda sofriet biss feriti ħfief. Fiż-żewġ każi jidher li ma nstab xejn.
F’diversi sezzjonijiet tal-media qed jiġi rrappurtat li Degabriele ġieli kien suspettat mal-Pulizija fuq każi passati li dwarhom iżda ma nstabux provi konreti. Fost l-oħrajn, kien hemm kwistjonijiet anke marbuta man-negozju li għandu f’Marsaxlokk. Qed jingħad ukoll li r-raġel kien ilu xhur jirrapporta lill-Pulizija li kien qed jirċievi theddid fuq ħajtu, filwaqt li kien saħansitra indika raġel ta’ nazzjonalità Libjana li skont hu kien il-persuna li qed jheddu minħabba li kellu jagħtih xi flus.
Minbarra li hu s-sid tar-ristorant Gente di Mare f’Marsaxlokk, Darren Degabriele hu wkoll l-uniku propjetarju ta’ kumpanija li tinnegozja ż-żejt u l-fuel, bl-isem Degabriele Fuels, ibbażata f’Birżebbuġa. Għandu wkoll numru ta’ bastimenti użati mill-istess kumpanija biex tinnegozja l-kummerċ bejn diversi pajjiżi, fosthom il-Libja. Degabriele, li għandu 35 sena u hu minn Ħal Għaxaq, għadu fil-periklu li jitlef ħajtu. Madankollu, rapporti qed jgħidu li l-ammont ta’ ħruq li sofra hu ta’ 55% ta’ ġismu, kuntrarju għal rapporti inizjali li kien sofra ħruq ta’ bejn 80% u 90%.
Fl-isplużjoni, li seħħet fi Triq iż-Żejtun f’Marsaxlokk, ħelsuha ħafif ukoll raġel ta’ 32 sena mill-Kalkara li kien qed isuq wara l-Pajero u l-vettura tiegħu tat-tip Renault ħadet in-nar ukoll wara li ħabtet mal-karozza ta’ Degabriele. Ħelisha ħafif ukoll sewwieq ieħor ta’ 39 sena minn Ħal Għargħur, li nzerta għaddej fid-direzzjoni opposta u sofra xi feriti kaġun tal-isplużjoni. Jidher li l-bomba kienet detonata b’xi tip ta’ remote.
//= $special ?>