L-erba’ xabbaturi Maltin Gregory Attard, Raphael Fenech Adami, Matthew Xerri u Douglas Barbaro Sant rritornaw lura Malta wara li rnexxielhom jitilgħu l-ogħla muntanja fid-dinja, il-Muntanja Everest.
Dettalji dwar is-suċċess li dawn l-erba’ xabbaturi kisbu fl-esperjenza tagħhom, ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Huma tkellmu dwar din l-isfida u sostnew li l-fatt li huma rnexxielhom jitilgħu sa fuq għamlet mhux biss unur lil Malta iżda wkoll tgħat kredibbilta lix-xabbaturi Maltin. Ix-xabbaturi Maltin sostnew li s-suċċess li huma kisbu kien fuq livell personali, fuq livell nazzjonali kif ukoll fost il-komunita’ internazzjonali tax-xabbaturi fejn inkiseb rispett kbir għal Malta. L-iskop wara din l-esperjenza kien li jinġabru flus għad-Dar tal-Providenza.
Għax-xabbaturi Maltin l-iktar mument kruċjali u diffiċli kien meta iffaċċjaw ġimgħatejn ta’ burokrazija mill-awtoritajiet Ċinizi biex huma jibqgħu għaddejjien. Dan flimkien ma’ problemi ta’ qawwa ta’ riħ, borra u maltemp. F’mumenti minnhom huma kienu f’tinda għal madwar 30 siegħa bla ikel, fuel u neċċessitajiet oħra. Dan f’livell ta’ 7800 metru.
Filwaqt li semmew kif l-esprjenzi ta’ nies li tilfu ħajjtihom fil-vjaġġ lejn il-quċċata għadhom evidenti tul it-triq, ix-xabbaturi Maltin qalu li huma kellhom ukoll problema ta’ nuqqas ta’ ossiġnu. Minkejja dawn l-isfidi, l-esperjenza fiha ħafna elementi mill-isbaħ.
Milqugħa fl-ajruport minn familjari u ħbieb tagħhom, għax-xabbaturi Maltin din hi esperjenza magħluqa bil-pass li jmiss issa jkun li jiffukaw fuq affarijiet oħra f’ħajjithom.
//= $special ?>