Lokali

Konferenza f’pajjiżna dwar l-industrija tat-turiżmu

Aktar minn 400 delegat jinsabu f’pajjiżna biex jipparteċipaw f’konferenza dwar l-industrija tat-turiżmu, organizzata mill-Istitut għall-Ivvjaġġar u t-Turiżmu tar-Renju Unit b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), bil-għan li jkunu diskussi ideat ġodda dwar is-settur tat-turiżmu.

Din il-konferenza annwali ta’ mportanza kbira għal dan is-settur ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u mill-Ministru Ingliża tat-Turiżmu Helen Grant. Zammit Lewis qal li matul l-aħħar snin, pajjiżna ra żieda fin-numru tat-turisti sena wara l-oħra minkejja l-kriżi internazzjonali.

Zammit Lewis qal li pajjiżna jirċievi 400 turist għal kull 100 abitant, jiġifieri ħafna aktar mill-medja Ewropea ta’ 57 turist għal kull 100 abitant. Qal li r-Renju Unit jibqa’ l-akbar sors ta’ turisti għal Malta, bi 33% tat-turisti kollha li jżuru pajjiżna.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Ingliża spjegat li minkejja li l-aħħar darba li kienet f’pajjiżna kien meta kellha biss 19-il sena, baqgħet tgħożż il-memorja ta’ din il-vaganza. Qalet li s-sena li għaddiet 32 miljun turist żaru r-Renju Unit u bejniethom iġġeneraw £21 biljun, b’madwar 600,000 impjieg li jiddependu direttament mit-turiżmu fir-Renju Unit.

Helen Grant sostniet li hu mportanti li pajjiżna jibqa’ jinvesti fir-riżorsa umana f’dan is-settur. Qalet li hu tajjeb ħafna li kieku jiżdied l-apprentistat fil-qasam tat-turiżmu. B’dan il-mod, ikun qed igawdi kemm l-istudent kif ukoll min iħaddem.

Sadanittant, fil-konferenza mistennija jipparteċipaw ukoll il-Membru Parlamentari Ewropej Ingliż Nigel Farage, kif ukoll l-eks plejer ta’ Liverpool John Barnes.