Ekonomija Lokali

Malta tinżel fis-seba’ post fost il-pajjiżi fl-UE bl-anqas ammont ta’ nies jirreġistraw

Filwaqt li fl-Unjoni Ewropea l-qgħad qed jonqos, f’Malta qed ikompli jiżdied. Dan wassal biex Malta saħansitra reġgħet naqqset pożizzjoni oħra fil-klassifika tal-pajjiżi bl-anqas rati ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol. Pajjiżna issa niżel aktar ‘l isfel, mis-sitt għas-seba’ post. Dan jikkuntrasta sew ma’ meta kienet toħroġ l-istatistika ta’ kull xahar mill-UE dwar il-qgħad fl-Ewropa, bl-istqarrija tal-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika (Eurostat) stess kienet tikkummenta li Malta hi fost dawk l-Istati Membri bl-anqas rati ta’ qgħad fl-Ewropa.

Jidher li b’xorti ħażina, dak iż-żmien għadda u mar, bl-istatistika uffiċjali turi xahar wara l-ieħor li dawk li qed ifittxu x-xogħol f’pajjiżna qed jiżdiedu, filwaqt li l-medja fl-UE qed tonqos. Hekk ukoll qed jirriżulta mill-aħħar ċifri li ħareġ il-Eurostat għal April 2014. Il-fatt li pajjiżna tilef post ieħor mill-klassifika tal-pajjiżi bl-anqas rati ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol juri li mill-aħħar tal-2013 ‘l hawn, pajjiżna kompla jogħdos ‘l isfel u tilef tliet postijiet. Mill-pajjiż Ewropew bir-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa kollha, kif kien ilu sena sħiħa, f’Diċembru 2013 niżel fil-ħames post, filwaqt li f’Marzu 2014 niżel għas-sitt post, biex f’April 2014 pajjiżna jinsab fis-seba’ pozizzjoni wara li qabżitna l-Ingilterra.

Dan seħħ għax il-qgħad f’Malta kompla jiżdied kontra x-xejra tal-qasam tax-xogħol fl-UE. F’April, Malta kellha rata ta’ qgħad fil-livell ta’ 6.8% li, għalkemm ifisser titjib żgħir ta’ 0.1% fuq Marzu meta mqabbel ma’ sena ilu, ifisser żieda ta’ 0.6% għax bħal dan iż-żmien sena l-qgħad kien jammonta għal 6.2%. Malta kienet fost tmien Stati Membri biss fejn il-qgħad żdied fuq sena ilu. Fi 18-il Stat Membru ieħor tal-UE l-qgħad irreġistra tnaqqis, filwaqt li fil-kumplament tal-pajjiżi baqa’ stabbli. Bħala medja, sew fit-28 Stat Membru tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi kollha tal-ewro, il-qgħad naqas: minn 10.9% għal 10.4% fl-UE u minn 12% għal 11.7% fiż-Żona Ewro.

L-Istati Membri bl-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa huma, f’din l-ordni u qabel Malta, l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka u l-Ingilterra. Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi bl-ogħla rati ta’ qgħad huma l-Greċja u Spanja. Skont l-istatistika tal-UE, bħalissa hawn ftit aktar minn 25.4 miljun persuna bla xogħol fl-Ewropa bi kważi 19-il miljun minnhom jinsabu fit-18-il pajjiż taż-Żona Ewro.