Kien hemm mumenti ta’ tensjoni fil-Qorti hekk dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-għalliem Erin Tanti (ritratt), li jinsab akkuzat li fid-19 ta’ Marzu li għadda kkaġuna l-mewt ta’ Lisa Marie Zahra, ta’ 15-il sena. Il-vittma, li Tanti kien jgħallimha d-drama, kienet instabet mejta taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.
Fost ix-xhieda kien imiss lil Tony Zahra, missier il-vittma, li jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda. F’ħin minnhom, f’mument ta’ emozzjoni, dan ipprova jħebb għal Tanti, izda kien miżmum mill-Pulizija. Zahra akkuża lil Tanti li daħallu f’daru u abbuża minn bintu. Dan wassal biex il-kumpilazzjoni tkun sospiża għal xi ħin, b’Zahra u Tanti jkunu skortati barra mill-awla. Eventwalment, it-tnejn li huma ddaħħlu mill-ġdid, b’missier il-vittma jiskuża ruħu u s-seduta kompliet.
Fix-xhieda tiegħu, Zahra spjega dak li għaddiet minnu bintu fit-tfulija tagħha u anke kif kellu jiġi lura minn Dubaj ftit qabel ma ġie nfurmat li t-tifla tiegħu kienet rappurtata nieqsa u eventwalment il-Pulizija nfurmatu li kienet instabet mejta. F’dan il-mument, Tony Zahra reġa’ ndirizza lill-akkużat u staqsieh “għaliex qtitli lil binti? … Dak li nixtieq inkun naf”, filwaqt li kompla li “stajt ħadtli ħwejġi kollha, għaliex ħadtli lil binti?”.
Erin Tanti, ta’ 23 sena, qed iwieġeb li mhux hati għall-akkuża ta’ qtil u li assista lil Zahra biex tikkommetti suwiċidju meta qabżet minn fuq l-irdum. Il-Qorti semgħet ukoll kif l-akkużat kien qal lill-Pulizija li hu ma qatilx lil Zahra u li kien iħobbha, iżda kien qed jippjana li jtemm ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Il-każ se jkompli jinstema’ fl-1 ta’ Lulju. Fl-aħħar seduta, fit-28 ta’ April, il-Maġistrat Audrey Demicoli, li quddiemha qed jinstema’ l-każ, kienet iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Tanti jitpoġġa taħt att ta’ akkuża u allura jgħaddi ġuri.
//= $special ?>

