Kunsilli Lokali

Tal-Birgu l-ewwel Kunsill Lokali li nvesta f’AEDs

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu sar l-ewwel Kunsill Lokali li nvesta f’Automated External Defibrillators (AEDs) għal-lokalità tiegħu, li se jinżammu fis-sede tal-Kunsill Lokali stess. AED hu apparat mediku li jiċċekkja r-ritmu li bih tkun qed tħabbat il-qalb u jista’ jsalva ħajja f’mument kritiku u ta’ emerġenza għax kapaċi jibgħat xokk elettriku lill-qalb jekk din tieqaf tħabbat f’daqqa.

Il-preżentazzjoni tal-apparat mediku saret mis-Sindku John Boxall fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo fil-Berġa ta’ Franza, fejn hemm l-Uffiċċji Amministrattivi tal-Kunsill. Boxall qal li kienu bosta l-benefatturi li offrew l-għajnuna finanzjarja biex setgħu jinxtraw dawn l-AEDs.

Barra minhekk, se jsiru korsijiet dwar kif jintuża’ dan l-apparat mhux biss għar-residenti tal-Birgu minn 16-il sena ‘l fuq, iżda wkoll għal dawk fis-settur kummerċjali u anke għall-Pulizija, fost oħrajn. Is-Sindku tal-Birgu wassal il-messaġġ lil Kunsilli Lokali oħrajn biex jieħdu eżempju u jagħmlu l-istess investiment.