Internazzjonali

Tibda l-elezzjoni presidenzjali fis-Sirja

Fis-Sirja qed tinżamm elezzjoni presidenzjali tliet snin mill-bidu ta’ gwerra ċivili li rat għexieren ta’ eluf ta’ persuni jmutu u miljuni oħra mitlufa. Kif mistenni minħabba din is-sitwazzjoni, fl-elezzjoni qed jinżammu miżuri qawwija ta’ sigurtà.

Rapporti internazzjonali qed jgħidu li l-President Bashar al-Assad mistenni jirbaħ it-tielet mandat tiegħu, li bih imexxi lill-pajjiż għas-seba’ snin li ġejjin. Madankollu, kritiċi għall-Gvern Sirjan qed jgħidu li din l-elezzjoni hi falza, filwaqt li uffiċjali Sirjani qed iqisu din l-elezzjoni bħala vot biex tissolva l-kriżi fil-pajjiż.

Għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, l-elezzjoni fis-Sirja qed tkun ikkontestata minn aktar minn persuna waħda. Madankollu, iż-żewġ kandidati l-oħra (Maher Hajjar u Hassan al-Nouri) mhumiex daqstant magħrufa u għalhekk kien diffiċli għalihom imexxi kampanja fuq l-istess livell tal-President Assad.

Minħabba li elezzjonijiet presidenzjali fil-passat raw biss kontestant wieħed, il-konferma kienet issir b’referendum biex ikun ikkonfermat il-membru tal-familja Assad.

B’kollox hemm kważi 16-il miljun persuna eliġibbli għall-vot, iżda l-elezzjoni qed issir biss fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern Sirjan. Ġellieda ribelli qalu li se jagħmlu minn kollox biex jisfrattaw il-votazzjoni, filwaqt li l-koalizzjoni nazzjonali Sirjana bbojkottjat l-elezzjoni.

Il-Kap tal-koalizzjoni Ahmad al-Jarba ddeskriva l-elezzjoni bħala teatrin miktub bid-demm tan-nies u saħansitra akkuża lill-President Assad li se jibbumbardja xi postijiet tal-votazzjoni u jitfa’ t-tort fuq ir-ribelli.