Il-kumpanija tal-ajru Spanjola Vueling ħabbret li se żżid ir-rotot minn u lejn pajjiżna għal dan is-sajf. Ir-rotot il-ġodda huma Malta-Ruma-Malta u Malta-Sevilja-Malta fi Spanja. It-titjiriet għal Ruma se jkunu tliet darbiet fil-ġimgħa, filwaqt li dawk għal Sevilja se jkunu darbtejn fil-ġimgħa. Il-kumpanija għandha wkoll tijiriet minn u lejn Madrid u anke Barcellona. Dan ifisser li l-Vueling se żżid it-titjiriet tagħha b’36% fuq is-sajf 2013.
Dan ħabbru l-Manager Reġjonali ta’ Vueling Massimo Di Perna waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Hu tkellem dwar l-importanza ta’ dawn ir-rotot għas-suq Malti. Di Perna qal li l-kumpanija Vueling qed tespandi b’rata mgħaġġla, hekk kif fl-2010 kellha 38 ajruplan u issa għandha flotta ta’ 90 ajruplan. Hu qal li l-għan tal-kumpanija hu li jibda jkollha titjiriet minn u lejn Malta matul is-sena kollha.
“Ninsabu ċerti li r-rotta għal Ruma se tintlaqa’ tajjeb ħafna u mhux se jkun hemm problema biex jimtlew il-postijiet”, tenna Di Perna waqt il-konferenza tal-aħbarijiet.
//= $special ?>