Ekonomija Lokali

Żieda fit-turisti f’Malta bejn Jannar u April

Skont cifri ppubblikati mill-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), f’April 2014 ġew Malta 150,030 turist, jiġifieri żieda ta’ 12.2% fuq April 2013. Jekk wieħed jeskludi t-turisti li ġew Malta fuq cruise liners, iż-żieda hi ta’ 11.3%. L-istatistika tal-NSO turi li mit-turisti li ġew Malta f’April 2014, 122,130 ġew fuq btala, filwaqt li 11,100 ġew fuq xogħol.

Fil-parti l-kbira tagħhom, it-turisti kienu minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, iżda t-turisti minn pajjiżi oħra żdiedu b’39%. Sew l-iljieli kif ukoll in-nefqa ta’ dawn it-turisti żdiedu meta mqabbel ma’ sena ilu. Fil-każ tal-iljieli, kien hemm żieda ta’ aktar minn 16%, filwaqt li n-nefqa żdiedet bi 13%.

L-istess statistika tagħti wkoll rendikont tat-turiżmu fl-ewwel erba’ xhur tal-2014. Bejn Jannar u April it-turisti żdiedu b’9% għal kważi 383,000, l-iljieli żdiedu bi 8% għal kważi 3 miljun lejl u dak li t-turisti ħallew fl-ekonomija Maltija żdied bi kwazi 10% għal ftit aktar minn €291 miljun.