L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta din is-sena rreġistra żieda sinifikanti fit-traffiku f’Mejju meta laqa’ total ta’ 402,289 passiġġier li jfisser żieda ta’ 6.4 fil-mija fil-moviment tal-passiġġieri meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Din hi l-ewwel darba li kien hemm iktar minn 400,000 passiġġier f’Mejju.
Fi stqarrija l-MIA qal li dawn iċ-ċifri intlaħqu minħabba żieda fis-seat capacity ta’ 4.9 fil-mija u s-seat load factor żdied b’1.1 punt perċentwali u laħaq is-76.5 fil-mija għal dan ix-xahar.
It-traffiku mill-Ingilterra kiber bi 8.9 fil-mija minħabba żieda mill-ajruport ta’ Gatwick u minn ajruporti reġjonali fl-Ingilterra. It-traffiku minn Franza tjieb b’21.4 fil-mija wara t-tkabbir fuq it-titjir minn Pariġi mill-Air Malta u l-introduzzjoni ta’ rotta ġdida tal-linja Transavia minn nantes.
L-ivjaġġar lejn u mill-Italja irreġistra żieda ta’ 13.9 fil-mija waqt li t-traffiku lejn u mill-:ermanja żamm l-istess tas-sena ta’ qabel. It-traffiku lejn l-Olanda żdied b’9.1 fil-mija u għalhekk dan il-pajjiż daħal bħala wieħed mill-ħames l-iktar destinazzjonijiet popolari.
L-MIA kellu wkoll żieda minn swieq li qed jikbru bħat-Turkija, l-Ungerija u l-Litwanja.
B’kollox it-titjiriet f’Mejju żdiedu b’6.5 fil-mija li kien rilfless f’żieda ta’ 24,341 passiġġier meta mqabbel mal-istess perijodu s-sena li għaddiet.
Aktar minn 400,000 passiġġier fl-MIA f’Mejju
