Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi, naqqsu b’madwar €100,000 f’kumpens lill-familjari tal-vittma, wara li dawn kienu ngħataw kważi €150,000 wara li membru minn tagħhomn kien involut f’inċident fatali tat-traffiku.
Dan ifisser li s-somma ġiet imnaqqsa b’żewġ terzi u dan wara li l-appellant qal li l-ħlas indikat mill-ewwel Qorti ma kienx wieħed raġonevoli. L-inċident kien seħħ fis-sigħat bikrin tal-ewwel ta’ Novembru tal-1993 għall-ħabta tal- 4.15a.m. Claudia Camilleri kienet qed issuq il-karozza tagħha minn Triq Aldo Moro Street, fil-Marsa.
Is-sewwieqa tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla f’arblu tal-elettriku. Fl-inċident il-passiġġier li kien magħha Antoine Brincat tilef ħajtu. Il-familjari tagħha fetħu kawża kontra Camilleri għad-danni.
Wara li kienet spiċċat mix-xogħol fir-Riza Apart Hotel fil-Qawra, Camilleri kienet iltaqgħet ma’ Brincat u ċerta Susan Cauchi u flimkien marru sal-lukanda Suncrest. Wara tliet sigħat huma marru r-Rock Cafe ġewwa Paċeville minn fejn telqu għall-ħabta tat-3:30am.
Wara l-inċident traġiku, ħareġ mill-investigazzjoni li l-karozza ta’ Camilleri ma kienitx imħarsa b’polza tas-sigurta’, u li din kiienet skadiet xi jiem qabel.
L-Ispettu Gaetano Walker, qal fil-Qorti ma saru l-ebda testijiet tal-“breathalyser” fuq is-sewwieqa, u lanqas saru xi testijiet oħra fuqha li kienu juru l-livelli ta’ alkoħol fid-demm tagħha. Huwa qal li fuq ix-xena l-Pulizija sabet marki tal-brejks ta’ tmien metri, u sinjali li l-karozza l-ewwel laqtet il-bankina u wara l-arblu.
Fil-Qorti kriminali Claudia Camilleri kienet ġiet liberata għax ma kienx hemm provi biżżejjed li hija kienet responsabbli totalment għall-inċident. Madankolu r-regolamenti tal-Qorti Ċivili huma differenti minn dawk ta’ Qorti Kriminali, b’ta’ l-ewwel tista’ tistrieħ ukoll fuq il-bilanċ ta’ probabbilita’.
Fil-fatt ittieħdet il-kunsiderazzjoni li Camilleri kienet ilha mqajjma għal aktar minn 12-il siegħa, u probabbilment ikkonsmat ukoll xi ftit tal-alkoħol waqt li kienet barra tiddeverti mal-ħbieb.
Il-Qrati Ċivili kienu taw kumpens lill-familjar tal-vittma ta’ €149,376. Camilleri appellat mis-sentenza fejn argumentat li ma kienitx responsabbli għall-inċident u l-ħlas ta’ danni ma kienux raġonevoli. Il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx l-argumenti tal-mara fuq ir-responsabbilita’ tagħha, imma bidlet is-sentenza fis-sena li d-danni mħallsa għadhom ilaħħqu s-somma ta’ €52,410.
//= $special ?>

