Ħaddiem ta’ dik li kienet il-Malta Drydocks u li kien ingħata kumpens ta’ €100,997 wara li waqa’ minn ħames sulari waqt xogħol ta’ tiswija fuq vapur kellu l-kumpens tiegħu miżjud għal €125,676.
Dan kollu wara li l-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet żbaljata u kellha taħdem iċ-ċifra fuq 20 sena u mhux fuq 15-il sena.
Kien fl-4 ta’ Ottubru 1993, għall-ħabta tas-1.00 a.m., meta Raymond Barbara kien qed jagħmel xi xogħol fuq il-vapur “Lobo Elif” waqa’ minn fuqu.
Barbara, li dak iż-żmien kellu 36 sena u kien jaħdem bħala ‘stager slinger’, kien qed jifrex il-fallakki biex iqegħdhom fuq l-armar meta waħda mill-‘brackets’ li kienet qed iżżomm it-twavel tqaċċtet, waqgħet ’l isfel u ġibdet it-tavlun u lil Barbara.
Barbara sofra minn ġrieħi f’sidru, żaqqu u fix-xewka ta’ dahru. Huwa qatta 12-il jum fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u bosta xhur oħrajn f’taqsimiet differenti tal-isptar inkluż fir-Renju Unit fejn ingħata trattament tal-fiżjoterapija.
Minkejja l-kura li ngħata huwa ma setax jimxi iktar u lanqas joqgħod wieqaf fuq riġlejh bil-konsegwenza li ma setax jaħdem iktar. Barbara kien beda proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kunsill tal-Malta Drydocks, anke jekk eventwalment il-każ spiċċa kontra l-Gvern Malti wara li d-Drydocks għalqet il-bibien tagħha.
Fis-16 ta’ Novembru 2010, il-Prim’Awla tal-Qorti Çivili żammet lill-Malta Drydocks responsabbli tal-inċident u ordnatilha tħallas lil Barbara €100,997 f’kumpens.
Dan wara li f’Diċembru 1997 huwa kien diġà ngħata kumpens ta’ Lm17,153 taħt l-iskema tal-Aċċidenti Personali li kien jingħata lill-ħaddiema li jweġġgħu irrispettivament minn jekk il-ħtija tkunx tad-Drydocks jew tal-impjegat.
Skont il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Barbara ma kellu ebda ħtija fl-inċident u kien qed jagħmel ix-xogħol li tqabad jagħmel mis-superjur tiegħu. Meta ġiet biex taħdem is-somma tal-kumpens, hija qieset fost oħrajn li d-Drydocks kienet għaddejja minn taqlib strutturali li eventwalment wassal għall-għeluq tagħha u l-għoti tas-sensja lill-ħaddiema kollha u għalhekk kien hemm iktar ċans li kieku baqa’ jaħdem magħha dan ma kienx se jkun għal tul ta’ żmien.
Madankollu, Barbara appella mill-ammont ta’ kumpens li ngħata u ngħata raæun mill-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi.
Waqt li kkonfermaw il-ħtija tal-Malta Drydocks, fejn żammewha responsabbli għall-inċident, it-tliet Imħallfin qalu li anke jekk id-Drydocks kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli li kellhom iwasslu għall-għeluq tagħha kellhom jittieħdu iktar snin meta il-Prim’Awla tal-Qorti kellha tiġi biex taħdem is-somma.
“Fejn din il-Qorti ma taqbilx mal-ewwel Qorti hija dwar il-‘multiplier’ diġà msemmi. Ma hemm ebda raġuni fil-fehma tal-Qorti għaliex dan ma għandux ikun bħalma sar f’diversi sentenzi oħra u cioè li jiġi applikat ‘multiplier’ skont kemm wieħed jistenna li l-vittma seta jaħdem fil-futur kieku ma jkunx sofra d-diżabilità minħabba l-inċident.
Il-fatt li l-post tax-xogħol ta’ Barbara kien previst li se jagħlaq il-bibien ma għandux ikun ta’ rilevanza f’każijiet bħal dawn għaliex seta eventwalment sab xogħol ieħor – ħaġa li sfortunatament ma setax jagħmel minħabba d-diżabilità li sofra”.
Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell iddeċiediet li s-somma kellha tinħadem fuq 20 sena u mhux fuq 15-il sena kif ħadmitha l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u waslet għas-somma ta’ €125,676.
//= $special ?>

