Editorjal

Editorjal: Pożizzjoni favur kaċċa fir-rebbiegħa b’limitu infurzat u wkoll favur l-għażla tal-poplu

F’April, koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ppreżentat 40,000 firma biex isir referendum skont is-sistema li għandna f’Malta biex titneħħa l-liġi li tħalli l-kaċċa fir-rebbiegħa. U issa l-għaqda tal-kaċċaturi ppreżentat petizzjoni b’mitt elf firma li titlob biex il-Parlament iwaqqaf dan ir-referendum ħalli ma jsirx.

Pożizzjonijiet ċari u konsistenti
Għall-Partit Nazzjonalista, il-pożizzjonijiet tiegħu kemm fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa imma wkoll fuq ir-referendum abrogattiv huma ċari u konsistenti.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa kisba ta’ Gvern Nazzjonalista fin-negozjati għas-sħubija
Il-kaċċa fir-rebbiegħa – limitata u regolata – kienet kisba importanti ta’ Gvern Nazzjonalista fin-negozjati għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dik il-kisba ewlenija ta’ Gvern Nazzjonalista laħqet bilanċ u qbil wiesa’ tant li l-maġġoranza kienet ivvutat favur is-sħubija u llum min kien kontra s-sħubija jgħid li jaċċettaha.

Gvern Nazzjonalista ddefenda l-kaċċa fir-rebbiegħa b’qawwa u b’suċċess
U l-Gvern Nazzjonalista mhux biss għamel il-kisba u l-liġi tal-kaċċa fir-rebbiegħa b’limitu infurzat, imma wkoll iddefendieha b’qawwa u b’suċċess. Meta l-Kummissjoni Ewropea ħadet lill-Gvern Nazzjonalista fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u argumentat li dil-liġi għandha titneħħa, il-Gvern Nazzjonalista talab sagrifiċċju mill-kaċċaturi għal ftit snin biex ikun jista’ jagħmel l-aqwa każ fil-Qorti Ewropea u rebaħ il-kawża.

Anke r-referendum abrogattiv, kisbu għalina Gvern Nazzjonalista
Dik il-kaċċa fir-rebbiegħa. U anke r-referendum abrogattiv, kisbu għalina Gvern Nazzjonalista li daħħal sistema li biha 10 fil-mija jistgħu jitolbu referendum dwar xi liġi ordinarja ħalli, jekk il-maġġoranza tmur tivvota u tivvota biex tneħħiha, dik il-liġi tispiċċa, anke jekk il-politiċi qabel kienu qablu magħha, la daħħluha.

It-twemmin kbir tal-Partit Nazzjonalista fid-drittijiet tagħna
U dan hu t-twemmin kbir tal-Partit Nazzjonalista fid-drittijiet tagħna – mhux id-demokrazija li jitla’ gvern u jagħmel li jrid għal ħames snin – imma d-demokrazija aqwa li fiha bir-referendum abrogattiv li tah Gvern Nazzjonalista l-poplu jgħid lill-politiċi x’għandhom jagħmlu u mhux il-politiċi jgħidulu x’għandu jagħmel.

Kompletament konsistenti li jkun favur il-kaċċa limitata, regolata u infurzata…
Mela l-Partit Nazzjonalista hu kompletament konsistenti li jkun favur il-kaċċa limitata, regolata u infurzata fir-rebbiegħa li kiseb hu mas-sħubija fl-Ewropa u li twettqet sakemm dam il-Gvern Nazzjonalista, u favur id-dritt fundamentali li tahulu hu lill-poplu Malti li l-Maltin ikunu jistgħu jitolbu vot fuq liġi ordinarja partikolari u, jekk il-maġġoranza tmur tivvota, jiddeċiedu dik il-liġi jriduhiex tibqa’ jew tispiċċa.

… u favur id-dritt tal-poplu li jgħid lill-politiċi x’għandhom jagħmlu
Dan hu l-bilanċ u l-moderazzjoni fil-ħsieb li dejjem wera l-Partit Nazzjonalista anke fuq il-kwistjoni tal-kaċċa, bilanċ u moderazzjoni li jisseddqu bil-konsistenza.