Lokali

Estensjoni fir-residenza Casa Arkati

Ritratt mill-arkivji

B’xorti tajba, illum f’pajjiżna għandna diversi servizzi li jiffaċilitaw il-ħajja tal-anzjani fosthom djar residenzjali, f’ċerti każi anke mgħammra skont il-bżonnijiet individwali tal-persuna, bħal Casa Arkati, fil-Mosta.

Dar residenzjali li wara 21 sena, għadha tfittex li toffri servizz dejjem aħjar lir-residenti tagħha, issa anke permezz ta’ estensjoni tar-residenza, b’investiment ta’ erba’ miljun ewro.

Estensjoni li se tilqa’ fiha mas-87 resident fi 38 kamra b’veduti mill-isbaħ u mgħammrin b’diversi facilitajiet bħal kċejjen.

Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ din l-estensjoni ta’ Casa Arkati, proġett privat ta’ Vassallo Group, kien hemm il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali, Michael Farrugia, u Justyne Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’dizabilita’. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u diversi deputati tal-Oppożizzjoni.

Il-proġett ta’ estensjoni jinkludi blokka ta’ sitt sulari u anke wellness centre, kif ukoll ġnien, kamra tal-ikel u anke kappella ġdida ddedikata lil San Mikiel.

Ma naqsitx il-preżenza tas-Sindku tal-Mosta, Shirley Farrugia li spjegat kemm hu importanti li s-settur privat ikompli jinvesti biex jipprovdi kwalita’ ta’ ħajja aħjar lill-anzjani tagħna.

Dan għaliex l-anzjani huma l-pedament tas-soċjeta’ tagħna: dawk il-persuni b’esperjenza li ffaċċjaw ħafna mill-isfidi tal-ħajja u għalhekk irridu nieħdu ħsiebhom u noffrulhom l-aħjar kura