Mill-Ħamis, 12 ta’ Ġunju jibda xahar ta’ spettaklu ta’ logħob tal-futbol, hekk kif fil-Brażil jingħata bidu għat-Tazza tad-Dinja 2014. Is-siparju għal din l-edizzjoni jingħalaq il-Ħadd, 13 ta’ Lulju, bil-Finali se tinżamm fil-grawnd famuż tal-Maracana. Għal darb’oħra, NET Television se jkun magħkom minn qabel l-ewwel logħba sa meta tispiċċa din l-aktar kompetizzjoni mportanti tal-futbol fid-dinja.
Fil-fatt, mit-Tnejn li ġej, 9 ta’ Ġunju, NET Television se jippreżenta programm speċjali, li matulu t-telespettaturi se jkunu jistgħu jsegwu l-gowls, filmati oħrajn, analiżi, diskussjoni u anke l-kontroversji tat-Tazza tad-Dinja. L-edizzjoni speċjali kuljum tal-programm Replay se jkun qed jixxandar LIVE fit-8.10pm, eżatt wara l-bullettin ta’ NET News.
Fi programm ta’ nofsiegħa, ippreżentat minn Christian Micallef, wieħed se jkun jista’ jsegwi wkoll l-aħħar aħbarijiet mill-Brażil. Bl-attenzjoni tal-Maltin ukoll tiffoka fuq dak li jkun qed jiġri fil-Brażil, l-istennija tal-maġġoranza tas-supporters Maltin u Għawdxin hi b’mod partikolari għall-partitissima bejn l-Italja u l-Ingilterra, f’12am ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Ġunju.
Għalhekk, min għandu għal qalbu l-logħba tal-ballun, ma jistax jitlef dan il-programm, li se jibda t-Tnejn li ġej fit-8.10pm fuq NET Television.
//= $special ?>