Illum fil-Qorti kompla il-każ tal-eks prezentatur u impjegat tal-PBS Norman Vella. Fil-Qorti ħareġ li ċ-Chief of Staff fil-Ministeru ta’ Manwel Mallia Silvio Scerri għamel minn kollox u rnexxielu jtajjar lil Norman Vella mill-impjieg tiegħu mal-PBS.
Meta l-istess Norman Vella kien qed jixhed quddiem l-Kummissjoni dwar ix-Xogħol fil-kawża li fetaħ hu stess kontra l-Prim Ministru u l-PBS, dwar it-tkeċċija tiegħu mix-xandir tal-istat fuq diskriminazzjoni politika, Vella qal li ftit ilu ltaqa’ waqt funeral mal-preżentatur John Bundy, li qallu li hu sema’ lil Silvio Scerri jgħid li kien qed jagħmel minn kollox biex itajjru mill-istazzjon Nazzjonali. Bundy qal lil Vella li hu kien jaf dan għax ra b’ghajnejh u sema’ b’widnejh.
Aktar tard, ma’ ġurnal lokali, Silvio Scerri ċaħad li qal dan il-kliem, iżda fl-istess ħin, ġurnal lokali ieħor ħa l-kummenti ta’ John Bundy, li min-naħa tiegħu kkonferma dak li qal Norman Vella fil-Qorti.
Norman Vella xehed li hu kien sar jaf permezz ta’ email indirizzata lis-CEO tal-PBS li, uffiċjalment l-impjieg tiegħu mill-PBS ġie revokat fis-26 ta’ Ġunju 2013. Vella żied li minkejja l-programm li kien imexxi kien baqgħalu tliet ijiem biex jintemm, dan twaqqaf ħesrem. Vella qal ukoll li skont il-Public Service Management Code ir-raġunijiet li wieħed jitneħħa minn pozizzjoni li jkun qed jokkupa huma erbgħa, fosthom, li jkun hemm talba għalih mid-Dipartiment, f’dan il-każ talba mid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni.
Ix-xhud qal li mhux talli ma saret l-ebda talba, iżda talli kull min telaq mid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni, għal xi raġuni jew oħra, ma ġie sostitwit minn ħadd. Barra minn hekk, Norman Vella qal li xahar wara li tneħħa mill-PBS, daħlu jaħdmu diversi persuni, fosthom ġurnalisti b’tendenzi Laburisti.
Il-każ ikompli fit-3 ta’ Ottubru.
//= $special ?>

