Lokali

Iktar investiment mis-settur tal-gaming

L-Oracle Casino, li jinsab f”Buġibba, introduċa swali sportivi – kunċett ġdid fl-industrija tal-Casinos f’pajjiżna. Proġett li sar b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro.

Is-swali tal-isport huma mgħammra bi 13-il screen li juru sport differenti live minn madwar id-dinja inkluż tiġrijiet taż-żwiemel u tal-klieb li jsiru fl-Ingilterra u li llum saru popolari ħafna f’pajjiżna wkoll.

Il-proġett ta’ rinovazzjoni li sar f’dan il-Casino biex infetħu dawn is-swali, kien mifrux fuq elfejn metru kwadru u l-post hu aċċessibli wkoll għall-persuni b’diżabilita’.

Preżenti għall-inawgurazzjoni tat-tisbiħ li sar f’dan il-Casino, li nfetaħ f’Settembru tal-1998, kien hemm il-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, Chris Cardona, u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittivita’ u T-tkabbir Ekonomiku, Jose’ Herrera, li spjegaw kif is-settur tal-Gaming f’pajjiżna jibqa’ settur ta’ suċċess li qiegħed dejjem jespandi, tant li llum jikkontribwixxi 12% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, Jurgen Fenech, il-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Gaming, il-kumpanija li tmexxi l-Casino, qal li apparti l-logħob, fattur fundamentali li żammew quddiem għajnejhom l-investituri f’dan il-proġett ta’ tisbiħ kien li jtejbu l-esperjenza ta’ divertiment għal klijenti li jattendu dan l-istabbiliment.

It-tibdiliet u s-servizzi ġodda li qed joffri dan il-Casino huma kollha koperti mill-liċenzja tal-Awtorita’ dwar il-Logħob u l-Lotteriji.