Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jagħti attenzjoni mmedjata ħalli jipprovdi mediċina kruċjali lil pazjenti li jbatu bl-ansjetà. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech, fi stqarrija, qal li numru kbir ta’ pazjenti b’din il-kundizzjoni jiġu preskritti l-mediċina Buspirone, li hi ntiża biex titratta dawn il-kundizzjonijiet, fosthom dik li tissejjaħ Generalised Anxiety Disorder.
Il-pazjenti jistgħu jakkwistaw din il-mediċina bi ħlas mill-Ispiżerija tal-Isptar Mater Dei biss. Din ir-restrizzjoni hi dovuta għall-fatt li din hi mediċina kkontrollata u ma tistax tinxtara minn spiżeriji privati. Claudio Grech saħaq li għalhekk il-Gvern għandu jieħu azzjoni urġenti biex jipprovdi din il-mediċina, kif ukoll jagħti spjegazzjoni lil dawn il-pazjenti vulnerabbli dwar kif jistgħu jieħdu l-kura tagħhom. Jekk il-pazjenti ma jieħdux din il-mediċina, sostna l-PN, jistgħu jbatu minn konsegwenzi serji ħafna.
L-istqarrija tal-PN iżżid li hu ta’ tħassib serju ħafna li din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ din il-mediċina tant sensittiva qed toħloq aktar ansjetà lil dawn il-pazjenti meta l-għan ewlieni tagħha suppost hu proprju li tikkontrolla l-ansjetà u l-effetti tagħha. Għaldaqstant, il-PN appella lill-Gvern biex jieħu l-passi kollha li hemm bżonn ħalli din il-mediċina tkun ipprovduta lil dawn il-pazjenti mingħajr aktar dewmien.
//= $special ?>