Il-Ministeru tal-Edukazzjoni kkonferma l-aħbar zvelata minn MaltaRightNow.com it-Tnejn li għadda, li l-Gvern Laburista se jdawwar l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem f’Kampus tal-MCAST f’Għawdex minflok ma jinbena wieħed ġdid. Wara l-aħbar żvelata fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, fi tweġiba ffirmata miċ-Chief of Staff ta’ Evarist Bartolo, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kkonferma li l-Kampus tal-MCAST mistenni jsir f’Għajnsielem fejn illum hemm l-Iskola tal-Arti.
Il-Gvern ikkonferma wkoll dak li żvela MaltaRightNow.com li l-Uffiċjali tal-Ministeru t-Tnejn filgħodu, anqas minn 24 siegħa wara li l-Prim Ministru Muscat ħabbar f’attività politika tal-Partit Laburista li l-Gvern se jiftaħ Kampus tal-MCAST f’Għawdex, qasmu minn Malta għal Għawdex u żaru l-Iskola tal-Arti biex ikellmu lill-għalliema u l-istaff tal-Iskola.
Madankollu, il-Gvern ma qalx li l-għalliema kienu ordnati biex jiġbru l-affarijiet tagħhom dak il-ħin stess ħalli mill-għada jirrappurtaw fi skola oħra. Uġud minnhom, inkluż is-Surmast, kellhom saħanistra jużaw il-karozzi tagħhom biex jieħdu l-oġġetti personali tagħhom minn Għajnsielem lejn l-Iskola tax-Xewkija. Kif żvelajna aħna, wara l-laqgħa urġenti tal-Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fl-Iskola tal-Arti, saħansitra bdew jinbidlu mill-ewwel is-serraturi, fosthom f’bibien prinċipali tal-Iskola u f’xi klassijiet.
L-għalliema li tkellmu magħna ddeskrivew il-mod kif ġew trattati mill-Uffiċjali tal-Gvern bħala “invażjoni Nazista”. Dan jistona ferm ma’ dak li tgħid it-tweġiba tal-Ministeru li, filwaqt li ma ssemmi xejn minn dan, tgħid li meta l-Uffiċjali tal-Edukazzjoni żaru l-iskola ma kien hemm ħadd ħlief l-iskrivani, il-purtinari u s-Surmast tal-Iskola. Dan għaliex, skont l-ittra li rċievejna, is-sena akkademika tal-Iskola tal-Arti spiċċat fl-aħħar ta’ Mejju. Il-Gvern qal li dak il-ħin ma kien hemm l-ebda attività edukattiva għaddejja, anke jekk fir-rapport tagħna fl-ebda ħin ma għedna li kienu għaddejjin il-lectures fil-klassijiet.
Barra minhekk, MaltaRightNow.com jista’ jikkonferma li, minkejja li s-sena akkademika tal-Iskola tal-Arti verament intemmet, l-għalliema bħalissa xorta jkunu għadhom qed imorru għax-xogħol fl-Iskola. Aktar minhekk, hu ironiku li rċievejna tweġiba bil-Liġi tal-Istampa mingħand il-Ministeru tal-Edukazzjoni, filwaqt li mistoqsijiet li bagħatna lill-amministrazzjoni tal-MCAST baqgħu mhux imwieġba.
Sadanittant, MaltaRightNow.com jista’ jiżvela wkoll li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni ma’ ħadd, lanqas mal-Ministru għal Għawdex, li sar jaf biss b’dak li ġara t-Tnejn stess wara li seħħ kollox.
//= $special ?>